Lokali

Wirja mill-artist Pawlu Galea fir-Rabat miftuħa għall-pubbliku sas-Sibt li ġej

L-artist rinomat Malti Pawlu Galea bħalissa qiegħed jesebixxi xogħlijiet artistiċi tiegħu magħmulin b’teknika differenti li tinkludi pittura biż-żejt fuq it-tila, portraits u landscapes, pittura astratta bl-acrylics, veduti bl-akwarelli u ikoni b’induratura.

Il-wirja qed issir fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-Fondazzjoni Paulus u hi miftuħa għall-pubbliku fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat.

Pawlu Galea, imwieled fl-1946, studja l-Arti fl-Iskola tal-Arti ma’ artisti stabbiliti bħal Ġorġ Borg u Esprit Barthet, u fis-St Michael’s Training College ma’ Harry Alden.

Kellu wkoll dejjem il-gwida taz-ziju tiegħu l-iskultur u dekoratur Giuseppe Galea.

Galea kien għalliem fl-iskejjel sekondarji għal 36 sena. Fl-aħħar tmien snin għallem l-induratura fl-Iskola tal-Arti f’Tarġa Gap, il-Mosta.

Hu għandu għal qalbu ħafna kollezzjoni privata ta’ 14-il kwadru ‘live-size’, riproduzzjonijiet ta’ kwadri tal-Caravaggio.

Il-wirja fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, ilha miftuħa mill-Ħadd 4 ta’ Frar u tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt li ġej bejn id-9.30 u l16.30. Fost dawk li żaru l-wirja kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.