Samir Almiri, Libjan ta’ 41 sena, ġie kkundannat 34 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li f’Marzu tal-2020 qatel lil Victor McKeon. Il-vittma, li kellu 62 sena, kien instab mejjet fl-appartament tiegħu u l-Pulizija ma sabet ebda sgass dan għaliex il-ħati u l-vittma għamlu żmien jgħixu flimkien.
Fil-fatt fil-kors tal-investigazzjoni rriżulta li McKeon kien ta kenn lil Almiri f’daru fejn dan kellu wkoll iċ-ċavetta tal-appartament. Il-katavru nstab fil-kamra tal-banju mgeżwer f’boroż tal-plastik suwed u inċirata ħadra.
Mill-awtopsja rriżulta li l-vittma miet fgat madwar tlieta jew erba’ tijiem qabel instab u kien qala’ diversi daqqiet f’rasu. F’mument minnhom Amiri laħaq ħarab lejn il-Marokk fejn kien arrestat wara li nħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali.
Is-Supretendent Keith Arnaud kien qal lill-qorti li d-data dwar il-lok tal-mobile poġġew is-suspettat tal-qtil Samir Almiri fuq il-post tad-delitt madwar iż-żmien meta nqatel il-pensjonant Victor McKeon. Kien ikkonfermat li McKeon miet bi trawma f’rasu wara li ġie fgat.
Il-mobile ta’ McKeon beda jirrifletti l-movimenti ta’ Samir Almiri fejn għal xi żmien wara l-qtil, iż-żewġ apparati kienu qed jinġarru flimkien. Kull darba li ntużat il-karta ta’ kreditu ta’ McKeon, intbagħatlu SMS, li wassal għad-data tal-lokalizzazzjoni,kien spjega Arnaud.
Filmati ta’ ATM u CCTV camera miż-żoni wrew lil Almiri waħdu waqt li kien qed juża l-card tal-bank tal-mejjet u eliminaw il-possibbiltà li McKeon kien miegħu dak il-ħin. Il-mobile ta’ Almiri kien jinsab f’Santa Luċija bejn l-14 u l-15 ta’ Marzu.
F’dan iż-żmien il-patoloġisti qal, il-vittma kien diġà nqatel fl-appartament tiegħu. Biljetti tal-karozzi tal-linja li nstabu fid-dar tal-vittma ġew rintraċċati li ntużaw minn Almiri, grazzi għal cameras CCTV installati fuq il-karozzi tal-linja.
Fis-16 ta’ Marzu, Almiri kien qabad titjira one-way lejn il-Marokk iżda kellu problemi ta’ immigrazzjoni hemmhekk u kellu jintbagħat lura Malta. Huwa ġie arrestat wara li f’Diċembru ġie estradit lejn Malta. Fuq il-post tad-delitt ġie rkuprat flokk sgriż bl-istricci li deher li jintlibes mill-akkużat f’xi filmati, kien żied Arnaud.
Arnaud kien spjega li l-pulizija sabu żewġ mobilkes. Wieħed, Nokia, kien irreġistrat u użat minn Almiri u Allview b’SIM card oħra kienet tal-vittma. L-Avukat Daniel Attard, li deher għalih, u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qablu ma’ piena ta’ 34 sena jekk jammetti. L-Imħallef Natasha Galea Sciberras kkundannatu għal din il-piena fejn qablet mal-patteġġament li saru bejn il-partijiet.