Anzjan ta’ 63 sena miż-Żejtun baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li pprova joqtol lir-raġel t’oħtu ta’ 69 sena fid-dar fejn jgħixu f’Raħal Ġdid. l-inċident allegatament kien seħħ nhar it-Tlieta, fi Triq il-Lampuka, Raħal Ġdid, għall-ħabta tal-12.15pm.
Fl-argument bejn iż-żewġ anzjani ntużat sikkina bl-anzjan ta’ 69 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li weġġa’ gravi waqt li l-akkużat Robert Frendo, jittieħed f’ċentru tas-saħħa fejn instab li weġġa’ ħafif. Frendo ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Il-prosekuzzjoni qalet li meta kellmet lill-vittma dan qalilha li ħu l-mara aggredieh waqt li kien rieqed. Mill-istħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-vittma qala’ madwar 13-il daqqa ta’ sikkina.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-akkużat jgħix ma’ oħtu u r-raġel tagħha fid-dar f’Raħal Ġdid. Minkejja li Frendo wieġeb mhux ħati madankollu l-avukati tiegħu ma talbux għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa’ mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-akkużat deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar waqt li l-vittma għandu bħala parte civile lill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>