Lokali

Bżonn li jkun hemm deadline għall-Mistoqsijiet Parlamentari

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jikber il-bżonn li jkun hemm żmien stipulat biex Ministru iwieġeb domanda Parlamentari.

Dan intqal fl-editorjal ta’ The Malta Independent fl-edizzjoni tal-Ħamis, bl-editur jgħid li l-partit li għandu maġġoranza fil-Parlament qed jispiċċa jsarraf din il-maġġoranza f’nuqqas ta’ rispett – u saħansitra f’arroganza lejn l-Oppożizzjoni, anke meta jiġu għall-mistoqsijiet parlamentari.

Il-mistoqsijiet parlamentari huma essenzjali għall-ħidma tal-Parlament. Dan filwaqt li jipprovdu opportunita sabiex tinkiseb informazzjoni fl-interess nazzjonali. B’uħud minn dawn id-domandi parlamentari saħansitra jkollhom valur ta’ aħbar.

L-editur qal li l-mistoqsijiet parlamentari tant għandhom importanza li f’kull seduta hemm 30 minuta dedikata għalihom – dan apparti diversi domandi parlamentari li jkunu imwieġba bil-miktub.

Fl-editorjal issemma t-tħassib li qajmet id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra hekk kif qalet li jeħtieġ deadline għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari. Hawnhekk hija kienet qed tirreferi għall-aġir tal-Ministru Clayton Bartolo f’mistoqsijiet rigward in-nefqa fil-Mediterrane Film Festival…bil-Ministru Bartolo ripetutament qal li se tingħata risposta fis-seduta ta’ wara. Iżda għaddew ix-xhur …. bdiet sena ġdida ….. din ir-risposta baqgħet ma ngħatatx.

Julie Zahra kienet saħqet li huwa inaċċettabbli li fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna naqgħu għal dan il-livell baxx.

Preżentament il-Ministri m’għandhomx deadline għall-Mistoqsijiet Parlamentari u lanqas l-ispeaker ma jista’ jordnalhom biex iwieġbuhom mill-aktar fis – u kulma jista’ jagħmel hu illi jgħidilhom biex ma jtawwlux aktar milli hemm bżonn.