Futbol Sport

Dani Alves ikkundannat erba’ snin u nofs ħabs

(Ritratt: EPA)

Qorti fi Spanja sabet lill-eks plejer ta’ Barcelona u tat-tim nazzjonali tal-Brażil Dani Alves ħati li stupra mara f’nightclub f’Barċellona.

Huwa ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs.

Alves ta’ 40 sena, li huwa wieħed mill-iktar plejers tal-futbol ta’ suċċess fl-istorja, kien ċaħad li aggredixxa sesswalment lill-mara fis-sigħat bikrin tal-31 ta’ Diċembru 2022.

Alves kien akkużat li ġibed lill-mara għal toilet f’sezzjoni VIP tan-nightclub u kien qal li setgħet telqet “kieku riedet”. Madankollu, il-qorti sabet li hija ma tatx il-kunsens tagħha.

Fi stqarrija, il-Qorti qalet li kien hemm provi minbarra x-xhieda tal-vittma li juru li kienet ġiet stuprata.

Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas €150,000 (£128,500) lill-vittma.

Alves biddel ix-xhieda tiegħu f’numru ta’ okkażjonijiet fejn l-ewwel ċaħad li kien jaf lill-mara biex wara sostna li kien iltaqa’ magħha fit-toilet iżda li ma ġara xejn bejniethom.

Eventwalment huwa reġa’ biddel il-verżjoni tiegħu u qal li kellhom sess kunsenswali. “It-tnejn konna qed nieħdu pjaċir,” kien allega.