Lokali

“Id-droga kokaina qed tiġi kkonsmata anke waqt il-festini tal-Magħmudija” – Net News jitkellem mal-Aġenzija Sedqa

“Għal aktar minn sentejn ilna ninnutaw żieda fil-konsum tal-kokaina f’pajjiżna”

Fil-Gżejjer Maltin il-konsum tad-droga kokaina qed jiżdied b’rata allarmanti….bl-użu ta’ din id-droga jinstab saħansitra f’festini tal-magħmudija.

Dan ħareġ minn studju Ewropew fejn ġie spjegat li fl-2023 il-konsum tal-kokaina qed isir waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi u mhux biss.

B’rabta ma’ dan kollu Net News tkellem mal-Operations Director tal-Aġenzija Sedqa Charles Scerri fejn spjega li din it-trend taż-żieda fil-konsum ta’ din id-droga ilha tiġi nnotata għal aktar minn sentejn.

“Għal aktar naħseb minn sentejn qed naraw din it-trend. Infatti jekk naraw snapshot ta’ xqed jiġri fid-Detox Centre tagħna naqas l-influss ta’ nies li kuljum jiġu għal Methadone li hija replacement għal eroina. Però żdied b’mod esponenzjali l-ammont ta’ nies li jirrikorru għall-għajnuna għandna minħabba l-użu tal-kokaina. Fil-fatt tirrenkja għoli ħafna fil-primary drug li l-persuna tirrapporta li qed tagħmel użu minnha. Dan flimkien ovjament mal-alkoħol li minkejja li hija sustanza legali xorta waħda baqa’ l-aktar sustanza li n-nies jirrikorru għall-għajnuna dwarha.”

Charles Scerri appella għal aktar kuxjenza u għarfien dwar l-effetti li tali droga tista’ tħalli fuq il-bniedem.

“Bħalissa iva qed ninnotaw żieda fl-użu. Naħseb il-key għal dan kollu hija l-ewwel nett tajjeb li jkun hawn aktar kuxjenza u kampanji edukattivi biex ikun hawn aktar għarfien fuq l-effetti tal-kokaina u addictions in ġenerali – plus il-klijent tipiku tagħna ma jgħidx għandi problema ta’ kokaina imma ħafna drabi jgħidulna għandna problema ta’ kokaina, alkoħol u kannabis.”

Dan filwaqt li saħaq li l-fatt li qed tiġi kkonsmata f’ċertu postijiet inkluż saħansitra festini tal-magħmudija hija sfortunatament realtà li qed ngħixu f’pajjiżna.

“Fejn tidħol il-kokaina iva hija realtà li hija widespread anke f’dawn l-attivitajiet li normalment inti ma timmaġinax li jista’ jkun hemm abbuż mid-droga però naħseb irridu ninvestu aktar fl-edukazzjoni sa minn ġenerazzjonijiet żgħar ħalli meta persuna tkun qed titfarfar u tikber fl-adoloxxenza tkun aktar konxja tal-effetti ħżiena tad-droga .”

Huwa ħeġġeġ lil kull minn għaddej mill-isfida tal-addiction tad-droga għandu jfittex l-għajnuna…u insista li l-fatt li tammetti li jkollok problema ta’ droga mhux dgħufija imma wirja ta’ saħħa u kuraġġ.

“Li tirrikorri għall-għajnuna mhux sens ta’ dgħufija imma huwa sinjal ta’ saħħa li qed tirrikonoxxi li għandek diffikultà. Is-servizzi tagħna ta’ Sedqa huma miftuħa anke mingħajr appuntament. Dan permezz ta’ servizz ta’ drop-in jista’ jiġi mingħajr appuntament għax nafu li fil-mument li persuna tirrealizza li għandha bżonn l-għajnuna inti għandek tkun hemm. Għandna wkoll is-servizz tal-appuntamenti fejn wieħed jista’ jċempel fuq is-support line 179 jew fuq 23885110 biex jagħmel appuntament.”