Lokali

Il-Freeport jaffaċja diversi sfidi minħabba l-attakki mill-Houthi fuq vapuri li jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar

Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ kumpaniji internazzjonali tal-vapuri ddeċidew li jbiddlu r-rotta tal-bastimenti tal-merkanzija minħabba l-attakki li għaddejjin bħalissa mir-ribelli Houthi fiz-zona tal-Baħar l-Aħmar. Dan wassal biex bosta vapuri jevitaw ir-rotta lejn il-baħar Mediterran, bil-konsegwenza li numru ta’ kontejners spiċċaw ma waslux pajjiżna jew inkella waslu tard.

Il-Freeport f’pajjiżna jibbaża ħafna fuq ix-xogħol ta’ kontejners li jaslu mill-Baħar l-Aħmar u l-Kanal ta’ Suez, u jagħti servizz lil madwar 115-il port madwar id-dinja kollha – b’50 minnhom jinsabu fil-Mediterran.

Numru ta’ bastimenti qed jirnexxilhom jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar u mill-Kanal ta’ Suez iżda hemm bosta oħrajn li qed ikollhom ibiddlu r-rotta tagħhom – u allura qed jabżu l-baħar Mediterran.

Dan kollu qed iseħħ wara li r-ribelli Houthi spiċċaw jattakkaw vapuri li kienu għaddejjin qrib il-kosta tal-Punent tal-Jemen. Ir-ribelli Houthi li huma allinjati mal-Iran, qalu li qed iwettqu dawn l-attakki bi tweġiba għall-bumbardament fuq Gaza mill-Iżraeljani. Bl-Istati Uniti qed tipprova tmexxi koalizzjoni navali sabiex tipproteġi t-tbaħħir lejn il-Kanal ta’ Suez.