Lokali Parlament

“Il-ġustizzja soċjali mhijiex suġġett iżda hija realtà” – Bernard Grech

“Il-ġustizzja soċjali tilfet quddiem il-lealtà lejn il-vot wara li l-Gvern ta’ Robert Abela ivvota kontra Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta tkellem waqt il-konferenza dwar il-ġustizzja soċjali li saret fil-Parlament il-Ħamis filgħodu organizzata mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo.

Bernard Grech qal li l-ġustizzja soċjali mhijiex suġġett iżda hija realtà li xi darba kulħadd jesperjenza f’setturi varji.

Huwa saqsa kif qed issir ġustizzja soċjali meta persuna tidħol l-isptar u tqatta’ 8 sigħat tistenna sodda jew meta jkollok kawża l-Qorti u l-Pulizija għal darba darbtejn ma ssibx l-akkużat bil-kawża tispiċċa preskritta. Iżda hawnhekk Bernard Grech sostna li l-ġustizzja soċjali tilfet meta l-Gvern ta’ Robert Abela vvota kontra Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia u injora l-appelli ta’ Isabelle Bonnici u l-poplu.

Bernard Grech qal li jittama li sa konferenza oħra ma jkollniex daqshekk każijiet ta’ inġustizzja soċjali mal-poplu.