Bastiment fil-Golf ta’ Aden, ‘il hinn mill-Jemen, ħa n-nar wara li ntlaqat minn talanqas żewġ missili.
U filwaqt li kollox jindika li l-attakk twettaq mill-milizji Houthi — alleati tal-Iran u li jikkontrollaw il-parti kbira tal-Jemen – il-kelliema għal dan il-grupp ma assumiex ir-responsabbiltà b’mod uffiċjali.
Kelliema għall-Aġenzija Britannika għall-Vjaġġi Marittimi Kummerċjali, sadanittant, ma provdewx l-isem tal-vapur inkwistjoni — iżda qalu li l-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti fir-reġjun irreaġew mal-ewwel għall-attakk bil-missili. Intant, il-kelliema ma provdewx dettalji dwar din ir-‘reazzjoni’
Fl-aħħar sigħat, is-sorsi fis-settur marittimu identifikaw il-vapur li spiċċa attakkat bħala bastiment tal-merkanzija reġistrat fil-gżira Stat ta’ Palau.
Il-milizji Houthi ilhom mill-aħħar tas-sena l-oħra jattakkaw il-bastimenti kummerċjali li qegħdin għaddu mill-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden — tnejn fost l-aktar rotot marittimi importanti fid-dinja.
Is-sitwazzjoni tant hi gravi li ħafna kumpanniji tal-vapuri, fil-preżent, qed ikollhom jużaw rotot oħra, fost l-impatt negattiv għall-kummerċ globali.
Il-Houthi qegħdin jgħidu li l-attakki fuq il-vapuri qed isiru b’dimostrazzjoni ta’ appoġġ għall-grupp Ħamas li ilu minn Ottubru għaddej b’konflitt qalil mal-qawwiet Iżraeljani f’Gaza.
Fl-istess ħin, il-Houthi qed joħorġu bi stqarrijiet qarrieqa fis-sens li huma qegħdin jattakkaw ‘biss’ il-bastimenti ta’ Iżrael, l-Istati Uniti u r-Renju Unit.
//= $special ?>