Għaddew 22 jum mindu bdiet l-iskema msejħa Stabbiltà; skema li suppost kellha l-għan li ġġib stabbiltà fid-dawl tal-kriżi l-għoli tal-ħajja, li aktar ma jmur aktar qed tkun ta’ piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Skema li l-Gvern Laburista kien konvint li se tgħin lin-nies – iżda issa, il-Ministru tal-Ekonomija qed jgħid illi huwa “prematur” biex tistabilixxi jekk il-prezz ta’ xirja bażika naqasx jew le.
Din kienet it-tweġiba tal-Ministru Silvio Schembri meta mistoqsi jekk sarx xi studju biex jassiguraw li l-familji f’pajjiżna hux qed isibuha aktar faċli biex jgħaddu minn jum għall-ieħor; meta tikkunsidra li ilhom jesperjenzaw sitwazzjoni li minħabba fiha ma jafux kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar.
Apparti minn hekk, il-Gvern qed jibqa’ jinjora proposti – fosthom mill-PN – biex tiġi indirizzata l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet. Tant illi kemm l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering u anke l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qed jappellaw lill-Gvern biex minnufih inaqqas il-VAT. Iżda skont Silvio Schembri, din mhix kwistjoni ta’ tnaqqis.
Fost il-pajjiżi li preżentament għadhom rata inqas ta’ VAT għal-istabbilimenti ta-catering hemm il-Ġermanja, il-Belġju, l-Awstrija, il-Fillandja, l-Isvezja u l-Olanda. Barra minn hekk fis-settur tat-turiżmu Malta għandha l-ogħla rata ta’ VAT, dik ta’ 18%, b’kuntrast għall-Kroazja, Franza u Ċipru li għandhom rata ta’ VAT ta’ 5%, 6% u 9% rispettivament.
//= $special ?>