Internazzjonali

Ir-Russja: Omm Navalny tiżvela li rat il-katavru ta’ binha għall-ewwel darba

Omm Alexei Navalny – il-Kap tal-Oppożizzjoni Russja li miet ġimgħa ilu f’ħabs tas-Siberja – qalet li ‘sa fl-aħħar setgħet tara l-katavru ta’ binha’. Hi intweriet il-katavru mill-awtoritajiet Russi li issa qed jagħmlulha pressjoni biex ‘tippermetti difna diċenti għal Navalny’.

Lyudmila Navalnaya qalet, waqt diskors fuq filmat, li kienet ittieħdet f’kamra mortwarja fejn kellha tiffirma ċ-ċertifikat tal-mewt ta’ binha….Ċertifikat li skont l-alleati ta’ Navalny tistqarr li hu kien miet minn kawżi naturali.

Dan meta llum qed joħorġu rapporti li Navalny seta’ inqatel minn daqqa ta’ ponn fuq sidru (viċin il-qalb) mill-membri mas-servizzi sigrieti tal-Kremlin…Persuni li huma speċjalizzati f’dawn it-tipi ta’ esekuzzjonijiet.

Intant, l-armla ta’ Navalny, Yulia Navalnaya, qed tkompli tinsisti li żewġha kien spiċċa maqtul brutalment fil-ħabs fuq l-ordnijiet personali tal-President tar-Russja, Vladimir Putin.

Fl-istess ħin, omm Navalny qalet li l-liġi tirrikjedi biex l-awtoritajiet jgħaddulha l-katavru ta’ binha u meta, skont hi, qed tispiċċa ‘rikattata’ mill-istess awtoritajiet li ma jridux jirrilaxxaw il-katavru.

Hi allegat ukoll li l-awtoritajiet Russi qed jiffissaw il-kundizzjonijiet għad-difna ta’ Navalny u li jirrelataw għall-post, il-ħin u l-proċedura tad-difna,

Navalnaya,anki sostniet li qed tispiċċa mhedda mill-awtoritajiet tal-Kremlin. Hi żvelat li xi uffiċjali qalulha f’wiċċha li jekk hi ma taqbilx dwar funeral sigriet għal binha huma jinsabu lesti biex ‘jagħmlu xi ħaġa lill-katavru’. Dan ukoll fost theddid li ż-żmien hu kontra din il-mara fiċ-ċirkustanzi..