Lokali

Is-siti kollha ta’ kostruzzjoni u l-ħaddiema fis-settur se jkunu obbligati li jagħmlu polza t’assigurazzjoni

F’avviż legali li se jkun qed jiġi ppublikat fil-ġranet li ġejjin, is-siti kollha ta’ kostruzzjoni u anke l-ħaddiema li jaħdmu fis-settur se jkunu obbligati li jagħmlu polza t’assigurazzjoni qabel jiġi approvat li jibda x-xogħol.

Kif inhi l-liġi attwali, is-siti ta’ kostruzzjoni li ma jmissux ma’ binjiet oħra, jiġifieri stand-alone, għandhom il-possibiltà t’eżenjoni u ma jeħtiġilhomx polza t’assigurazzjoni. Issa, il-liġi emendata tgħid li kwalunkwe tip ta’ sit ta’ kostruzzjoni jrid ikun kopert b’polza t’assigurazzjoni, kemm dawk li jmissu mat-terzi u anke siti stand-alone.

Dan apparti li qabel, il-kuntrattur ma kienx jeħtieġ li l-ħaddiema tiegħu jkollhom polza t’assigurazzjoni iżda issa se jkunu obbligati li għas-sigurtà tal-ħaddiema, dawn ikollhom polza t’assigurazzjoni.

Il-kopertura tal-assigurazzjoni għandha tkopri limitu ta’ responsabbiltà għal terzi persuni ta’ mhux inqas minn €750,000, u liema polza tal-assigurazzjoni għandha tinżamm valida matul iż-żmien kollu tax-xogħlijiet sas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ tlestija tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Il-polza t’assigurazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ kopertura tal-assigurazzjoni fil-formola preskritta u pprovduta mill-Awtorità.

F’każ li ħaddiem iweġġa’ fuq il-post tax-xogħol jew saħansitra jitlef ħajtu, wara li proċeduri ġudizzjarji jikkonfermaw li min iħaddem huwa responsabbli, il-ħaddiem jew il-qraba tiegħu jistgħu jieħdu rimedju b’mod iktar effettiv. Dan mingħajr il-biża’ li l-kuntrattur responsabbli ma jkollu ebda assi minn fejn jagħmel tajjeb.