Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Jisfaw vittmi ta’ sparatura qrib ta’ checkpoint ‘il hinn minn Ġerusalemm

Raġel tilef ħajtu meta tliet Palestinjani armati fetħu n-nar fuq in-nies li nzertaw quddiemhom – bl-attakk iseħħ viċin zona għar-residenti Lhud f’din l-art okkupata mill-Iżraeljani.

L-attakk, f’Maale Adumim, fil-limiti ta’ Ġerusalemm, ħalla madwar għaxar midruba, bil-Pulizija Iżraeljani jsostnu li l-aggressuri – imfissra bħala ‘terroristi’ – kienu ħarġu minn karozza quddiem checkpoint u qabdu jisparaw lejn in-nies li kienu qed jistennew hemmhekk fil-vetturi tagħhom.

Tnejn mill-aggressuri, imbagħad, inqatlu mill-pulizija, bit-tielet wieħed qed jinżamm taħt arrest wara li spiċċa midrub f’dan il-konfront.

Intant, il-grupp terroristiku tal-Ħamas f’Gaza faħħar dan l-attakk għalkemm, fl-istess ħin, ma assuma l-ebda responsabbiltà għall-azzjoni qattiela.

Ix-Xatt tal-Punent, fil-preżent, ukoll għaddej minn spinta ta’ vjolenza mindu bdiet il-gwerra ta’ Gaza u meta qed tiżdied dejjem aktar it-tensjoni qalb il-komunitajiet għall-Iżraeljani fl-inħawi.