Ċifri maħruġa mill-Eurostat juru li fil-bidu tas-sena l-prezzijiet f’pajjiżna baqgħu tilgħin ‘il fuq; sitwazzjoni li kompliet titfa’ pressjoni fuq il-ħaddiema u l-anzjani.
FʼJannar, ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet taʼ 3.7 fil-mija.
Skont l-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika, Malta għandha it-tmien l-ogħla rata ta’ inflazzjoni minn fost is-27 pajjiż membru tal-UE. Fi kliem sempliċi, l-għoli tal-ħajja u l-piż tal-prezzijiet f’pajjiżna huwa ferm agħar mis-sitwazzjoni li jesperjenzaw familji fil-Ġermanja, l-Olanda, il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Ungerija.
Anke pajjiżi viċin tagħna bħall-Italja, Franza u l-Greċja għandhom rata ta’ għoli tal-ħajja ferm inqas minn Malta.
FʼJannar li għadda, skont l-NSO, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.80 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħaxix. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti pożittivi fuq l-inflazzjoni ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.69 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħrajn (+0.44 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u l-kirjiet, rispettivament.
//= $special ?>