Internazzjonali

Lvant Nofsani:  ‘Air drop’ ta’ fejda f’waqtu għall-familji u t-tfal ta’ Gaza

Ir-Renju Unit, għall-ewwel darba mill-bidu tal-gwerra ta’ Gaza, wassal l-għajnuna mill-ajru liċ-ċivili Palestinjani f’dak it-territorju u li ilhom il-ġimgħat ibatu kriżi tal-ġuh.

It-trasport tal-ikel u affarijiet oħra essenzjali sar permezz ta’ air drop – proċedura fejn ajruplan jitlaq il-materjal bil-paraxut għal fuq il-komunitajiet fi ħtieġa għall-għajnuna.

Il-missjoni ta’ fejda saret ukoll wara li r-Renju Unit laħaq ftehim importanti mal-Ġordan – bin-nies ta’ Gaza jirċievu madwar erba’ tunnellati ta’ provvisti li jinkludu ikel, mediċini u fuel.

L-air drop twettaq minn ajruplan tal-qawwiet tal-ajru Ġordaniżi  — b’ħafna mill-pakketti jinżlu, bil-paraxut, għal fuq l-inħawi tal-Isptar ta’ Tal Al-Hawa, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Cameron, qal li din l-għajnuna għandha ssalva l-ħajja tal-familji u t-tfal innoċenti f’Gaza —  bl-isptar inkwistjoni se jkun jista’ ikompli jiffunzjona matul il-jiem li ġejjin.

Ir-Renju Unit, qabel, kien ittrasporta l-għajnuna lejn Gaza bil-mezzi tal-art u tal-baħar iżda llum sar impossibbli li xi ħadd ikollu aċċess għat-Tramuntana ta’ Gaza li nbidlet f’art ta’ ħadd b’kaġun tal-gwerra bejn il-qawwiet Iżraeljani u t-terroristi tal-Ħamas li għad għandhom il-fortizzi qalb l-inħawi.

L-aħħar inizjattiva mir-Renju Unit ma setgħetx kienet aktar f’waqtha wara li l-World Food Programme issospenda t-trasport tal-għajnuna minħabba li l-konvojs tiegħu f’Gaza kienu qed jisfaw mira ta’ ‘sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u kaos assolut’.

Dan ukoll meta hemm preżenza qawwija ta’ truppi militari fit-Tramuntana ta’ Gaza u fejn il-parti kbira tal-popolazzjoni kienet kostretta li taħrab lejn l-artijiet tan-nofsinar biex ma tinqabadx fl-eqqel tal-konflitt.

Hu minnu wkoll li fit-Tramuntana ta’ Gaza, fil-preżent, għad fadal ‘il fuq  minn 300,000 Palestinjan li qegħdin ibatu min-nuqqas akut tal-ikel u ilma tajjeb għax-xorb – u bin-Nazzjonijiet Uniti  ilha twissi dwar il-potenzjal ta’ traġedja umana ‘storika’ fl-inħawi.