Futbol Sport

Malta tirbaħ b’gowls fit-tieni taqsima

(Ritratt: Andre Farrugia)

Malta bdiet l-impenji tagħha fil-Visit Malta Friendly Tournament, b’rebħa fuq il-Gżejjer Faroe, rebħa li waslet b’goals fit-tieni taqsima.

Il-logħba ma kinitx daqshekk faċli għall-Maltin fejn huma wrew l-aqwa tagħhom wara li skorjaw żewġ goals fi spazju ta’ erba’ minuti u prattikament għalqu l-logħba.

Fl-ewwel taqsima l-Maltin kellhom ħafna pussess tal-ballun iżda ftit kellhom ċansijiet ta’ skor. Il-Gżejjer Faroe iddefendew tajjeb u l-Maltin ftit sabu spazju fejn iwettqu azzjonijiet denji.

L-iktar li resqu qrib matul l-ewwel taqsima kien fis-26 minuta meta l-plejer li tilgħab ma’ Inter Haley Bugeja xeħtet ftit barra minn pożizzjoni ftit angolata.

Fil-bidu tat-tieni taqsima l-Gżejjer Faroe ħarġu aħjar iżda l-Maltin ikkastigawhom b’żewġ goals fi spazju ta’ erba’ minuti.

Fil-55 minuta azzjoni mibdija minn Haley Bugeja li qassmet lejn Alishia Sultana li minn qagħda tajba ma fallietx.

Erba’ minuti wara Haley Bugeja tegħleb in-nasba tal-offside u skorjat b’lob sabiħ fuq il-ħarġa tal-goalkeeper.

Wara dan il-Maltin ikkontrollaw tajjeb biex kisbu rebħa meritata.

Fl-ewwel logħba ta’ dan it-turnament il-Belarus għelbet lill-Albanija 3-0.