Matul il-jum f’konferenza organizzata mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo b’rabta mal-Ġustizzja Soċjali diversi persuni tkellmu dwar każijiet ta’ inġustizzja soċjali f’perjodu partikolari f’ħajjithom u appellaw lill-Gvern immexxi minn Robert Abela sabiex jieġu azzjoni b’mod immedjata u ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura.
Miriam Sapiano li qed tirrapreżenta lit-Tim Organizzattiv “Ġustizzja Soċjali” qalet li l-messaġġi li jitwasslu illum se jaslu għand kulħadd dan filwaqt li appellat sabiex ikomplu jagħmlu pressjoni għal bidla.
Il-Fundatur ta’ Happy Parenting Malta fakkar fil-protesta li se ssir matul il-jum għaliex hemm bżonn riformi fil-Qorti tal-Familja għaliex it-tfal mhux posthom hemmhekk. Huwa qal li jeħtieġ li jkun hawn bord u mhux jisimgħu proċeduri fil-Qorti.
Malcolm Bezzina qal li persuni b’diżabbiltà jsofru inġustizzji kbar iżda l-akbar inġustizzja li hawn hija fuq il-fqir. Huwa appella lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni b’mod immedjata sabiex jgħin lil dawk ta’ dħul baxx sabiex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Waqt l-intervent tagħha Bridget Micallef li hija persuna nieqsa mid-dawl rrakkuntat meta ħadulha l-guide dog u kif ħassitha kompletament mitlufa hekk kif sabet diversi diffikultajiet fil-ħajja ta’ kuljum. Tant sabet diffikultajiet li saħansitra kellha tirrikorri għal għajnuna professjonali.
Renato Tanti tkellem dwar l-inġustizzja li saret miegħu hekk kif waqt il-proċeduri tas-separazzjoni huwa tkeċċa minn dahru u spiċċa jbati finanzjament. Hawnhekk huwa qal li ħafna nies qed ibatu meta jkunu għaddejjin minn dawn it-tip ta’ proċeduri. Huwa appella sabiex tittieħed azzjoni u jittama li l-appelli li qed jagħmlu dawk preżenti ma jispiċċawx fuq widnejn torox.
George Vital Zammit li huwa lettur fid-Dipartiment tal-Politika Pubblika sostna li ċ-ċittadinanza hija dritt fundamentali. Huwa spjega li hawn numru kbir ta’ persuni li m’għandhomx ċittadinanza b’aktar minn 80 persuna għandhom taħt id-9 snin. Apparti minn hekk, huwa qal li dawk in-nies li m’għandhomx ċittadinanza sempliċiment jeżistu.
Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li sfortunatament qed ngħixu f’realtà fejn hawn ħafna separazzjonijiet bil-proċeduri fil-Qorti qed jesperjenzaw dewmien esaġerat. Huwa qal li dan kollu qed iħalli impatt negattiv fuq it-tfal hekk kif semma każ partikolari ta’ missier li jara lit-tfal tiegħu darba kull ġimagħtejn. Għaldaqstant huwa qal li f’pajjiżna għandna problema kbira għaliex l-awtoritajiet jafu b’dawn ir-realtajiet iżda mhux qed jieħdu azzjoni.
Waqt id-diskors tagħha Ramona Vassallo li ilha bla saqaf fuq rasha għal dawn l-aħħar sentejn qalet li sofriet minn inġustizzji kbar dan għaliex ma sabet l-ebda għajnuna kaġun ta’ vizzju tad-droga li kellha fil-passat. Hija sostniet li salvat bir-rieda tagħha għaliex ma sabet l-ebda għajnuna mill-awtoritajiet.
Il-President tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta Ahmed Laiq ħeġġeġ għal aktar konferenzi bħal dawn sabiex nies ta’ reliġjonijiet differenti jingħaqdu u jkomplu jwasslu messaġġi b’saħħithom u ta’ importanza kbira. Huwa saħaq li għandna nkomplu nibnu soċjeta b’qalb kbira li l-ewwel u qabel kollox tipproteġi lill-proxxmu dan apparti li saħaq fuq l-importanza li nipproteġu l-ambjent.
Joe Zahra li jifforma parti minn APAN qal li l-anzjani huma l-aktar li ġew affetwati kaġun taż-żieda fil-prezzijiet b’numru kbir ta’ pensjonanti mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar tant li qed ikollhom jirrikorru għas-soup kitchens.
Kenneth Grima spjega kif ibnu ttajjar minn karozza f’April tal-2020 u kien fil-periklu li jitlef ħajtu tant li sal-lum għadu qed ibati fiżikament. Huwa spjega kif tilef kull tama fl-awtoritajiet ta’ pajjiżna hekk kif l-akkużat spiċċa nħeles wara li l-kawża ġiet preskritta. Kenneth Grima appella sabiex jitwaqqaf kumitat li jistudja l-preskrizzjoni fil-Qorti Kriminali bil-għan li l-kodiċi kriminali jipproteġu lill-vittma.
Isabelle Bonnici – omm Jean Paul Sofia – spjegat kif wara l-mewt ta’ binha iktar ma bdiet tistaqsi iktar bdier tiskopri nuqqasijiet li hemm fi ħdan is-settur tal-kostruzzjoni. Hija sostniet li bil-perseveranza u bl-appoġġ tal-poplu infetħet Inkjesta Pubblika bil-għan li l-ebda persuna ma’ tgħaddi mid-dulur li għaddiet minnu hi. Isabelle Bonnici saħqet li se tkompli taħdem sabiex l-istatistika ta’ inċidenti u fatalitajiet fuq il-postijiet tax-xogħol tonqos b’mod drastiku.
Esmeralda Borg li tirrapreżenta l-Allied Health Workers Union qalet li għalkemm din l-għaqda ġiet irreġistrata xorta mhux qed jiġu trattati l-istess bħal għaqdiet oħra. Dan apparti li uriet tħassib għal fatt li ħaddiema barranin qed jiġu mhedda li jitilfu xogħolhom jekk jissieħbu ma’ union bil-Gvern quddiem dan kollu mhux qed jieħu azzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja tkellem dwar il-ħidma kontinwa minn naħa tagħhom dan filwaqt li saħaq fuq l-importanza li id-diffikultajiet tal-poplu jiġu eliminati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella reġà appella sabiex b’mod immedjat il-Gvern ta’ Robert Abela jieqaf jintaxxa l-COLA għaliex din hija inġustizzja kbira fil-konfront ta’ dawk li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Josef Vella saħaq li l-ġustizzja soċjali hija bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà mingħajr favuri iżda solidarjetà ma kull individwu.
Minn naħa tiegħu l-avukat Nicolai Bugeja qal li illum għandna ċans nibgħatu messaġġ qawwi u b’saħħtu li l-ġustizzja soċjali għandha tkun fl-aġenda tal-Gvern kuljum u mhux meta jaqbillu. Huwa saħaq li l-poplu jrid stat li verament iħoss il-polz ta’ kulħadd.
Waqt l-intervent tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li l-ġustizzja soċjali mhix ideoloġija, flus, ekonomija jew reliġjon iżda hija realtà. Huwa qal li qegħdin ngħixu f’pajjiż b’popolazzjoni li ma tiflaħx u kaġun t’hekk għandna traffiku f’kull ħin tal-ġurnata kif ukoll problemi fl-infrastruttura. Apparti minn hekk huwa qal li qed nesperjenzaw inġustizzja meta nisimgħu b’impjiegi fantażma mħallsa minn flus il-poplu. Għalhekk, Charles Azzopardi tenna li fil-Parlament għandna nkunu l-vuċi ta’ dawk li jibżgħu jitkellmu kif ukoll ta’ dawk li m’għandhomx vuċi.
//= $special ?>