Lokali Qorti

Qed jappella sentenza għax ma ħallasx il-manteniment waqt li kien il-ħabs

Raġel ikkundannat erba’ xhur detenzjoni talli ma ħallasx l-ammont sħiħ eċċessiv tal-manteniment waqt li kien il-ħabs għall-istess reat ilmenta li kien daħal f’ċirku vizzjuż li qatt mhu se joħroġ minnu sakemm il-qrati ma jifhmux aktar dwar ċirkostanzi partikolari.

Ir-raġel, qed jappella s-sentenza ta’ ħabs talli naqas li jħallas l-ammont sħiħ tal-manteniment matul perjodu meta kien il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li l-Qorti ddeċidiet li l-fatt li ma jaffordjax mhux aċċettabbli bħala skuża.

Ir-raġel li għandu 54 sena, kien aġent tal-proprjetà immobbli li jaħdem għal rasu li jiffoka fuq il-kiri u beda jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji waqt il-pandemija tal-COVID-19 meta s-settur tal-proprjetà sofra daqqa kbira.

Hu qal li kellu jbigħ l-affarijiet tiegħu, inkluża l-karozza tiegħu, minħabba r-restrizzjonijiet finanzjarji tiegħu. Huwa ressaq talbiet fil-Qorti fejn talab għal tnaqqis fl-ammonti dovuti għall-manteniment iżda dawn ma ġewx milqugħa mill-Qorti, u żamm l-ammont għal €700 fix-xahar għaż-żewġ uliedu.

Huwa kien spiċċa l-ħabs bejn Settembru u Diċembru 2022 minħabba li ma kienx qed irnexxielu jħallas l-ammont sħiħ lil martu m’għadux magħha. Waqt li kien il-ħabs, l-eks-mara tiegħu kompliet tippreżenta rapporti tal-pulizija dwar in-nuqqas ta’ ħlas tiegħu u, fi Frar tas-sena l-oħra, kien mixli li naqas milli jħallas il-manteniment matul it-tliet xhur li qatta’ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Maġistrat Lara Lanfranco kkundannatu erba’ xhur ħabs wara li sabitu ħati tar-reat. Fid-deċiżjoni tagħha, il-maġistrat qalet li “in-nuqqas tal-akkużat li jħallas il-manteniment mhuwiex skuża valida”.

“L-akkużat jista’ jassigura impjieg bi qligħ u, tabilħaqq, m’hemm xejn li jipprojbixxih milli jagħmel dan u, għalhekk, l-ispjegazzjoni tiegħu ma tistax titqies bħala impossibbiltà li jwettaq l-obbligu tiegħu,” hija qalet.

Hu spjega li kien ilu miżżewweġ 14-il sena u kellu żewġ subien. Kollox kien tajjeb għall-ewwel 18-il xahar mis-separazzjoni tiegħu iżda mbagħad kollox inbidel meta l-eks mara tiegħu bidlet l-avukat tagħha, u fil-qorti għamlet talbiet li kienu ħarxa li hu kien qed iġġiegħel lil uliedhom isofru minn abbuż psikoloġiku.

“Dawn kienu l-ewwel sinjali ta’ aljenazzjoni tal-ġenituri. Kont qed inħallas regolarment il-€500 ta’ manteniment fix-xahar kif miftiehem fuq il-kuntratt tas-separazzjoni iżda, imbagħad, ressqet rikors fil-qorti fejn sostniet li ma kontx inħallas is-sehem tiegħi tal-ispejjeż żejda tal-kurrikulu kif ukoll tal-ispejjeż mediċi u tal-edukazzjoni, u talbet lill-qorti biex iżid l-ammont ta’ manteniment għal €800.

Il-Qorti laqgħet parzjalment it-talba, billi stabbilixxiet il-manteniment għal €700 fix-xahar inklużi l-ispejjeż żejda kollha. Bqajt inħallas iżda, imbagħad, il-COVID laqat. Kelli nċedi l-karozza tiegħi u bilkemm kont naffordja neċessitajiet bażiċi bħall-ikel. Kont għadni naħdem bħal kelb imma l-kuntratti tal-kiri sempliċement ma kinux qed iseħħu,” huwa sostna.

Tenna li l-qorti ripetutament irrifjutat it-talbiet tiegħu għal tnaqqis fl-ammont tal-manteniment minħabba bidla daqshekk drastika fiċ-ċirkostanzi, anke injorat id-dikjarazzjonijiet finanzjarji li ppreżenta biex isostnu t-talba tiegħu. Qal li l-qorti tal-familja saħansitra rrifjutat li tħallih jappella mid-deċiżjoni, u poġġieh fil-limbu u f’riskju imminenti ta’ priġunerija.

Sadanittant l-eks mara tiegħu rrapurtatu għal seba’ xhur talli naqas milli jħallas l-ammont sħiħ. F’Marzu tal-2022, il-qorti kkundannatu għal seba’ xhur iżda, fl-appell, it-terminu ta’ ħabs tnaqqas għal seba’ ġimgħat, wara li l-imħallef qies li kien reat kontinwu.

F’Ottubru tal-2022, spiċċa l-ħabs u nħeles f’Jum il-Milied b’€5.20 biss fuq ismu. “Bdejt napplika għal impjiegi permezz ta’ JobsPlus iżda lanqas biss ġejt imsejjaħ għal intervista waħda, għalhekk mort lura għax-xogħol tal-proprjetà immobbli. Jien kont qed nagħmel ukoll xogħolijiet oħra mhux relatati imma ma kontx qed nagħmilx biżżejjed flus biex inħallas l-ammont sħiħ u biex nlaħħaq. Kont qed inħallas €250 fix-xahar sakemm irċivejt ċitazzjoni oħra tal-pulizija biex nerġa’ nidher il-qorti. Dan huwa ċirku vizzjuż li ma jintemm qatt,” qal ir-raġel.

L-avukat tiegħu, Conrad Borg Manché, qal li kawża kostituzzjonali ġiet ippreżentata peress li ż-żieda fl-ammont tal-manteniment kienet “deċiżjoni purament arbitrarja” meħuda mill-qorti, li tikkostitwixxi ordni illegali. Qed jingħad ukoll li d-drittijiet tiegħu għal proċess ġust inkisru meta t-talba tiegħu għal leave għall-appell ġiet miċħuda. Fiż-żewġ każijiet, id-digrieti kienu bla ebda motivazzjoni jew spjegazzjoni possibbli, qal l-avukat.

Ir-raġel jagħmel parti mill-NGO Happy Parenting Malta, fejn qed titlob għal emendi urġenti fil-liġi u titjib fil-proċeduri tal-qorti tal-familja biex tiġi indirizzata l-aljenazzjoni tal-ġenituri.