L-Għaqda Happy Parenting Malta mill-ġdid qed issejjaħ għal trobbija ugwali permezz ta’ proposti li ġew ippreżentati llum – proposti li jsejħu għal tibdil fil-proċeduri u l-liġijiet tal-Qorti tal-Familja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet intqal kif il-ġenituri qed jispiċċaw jintbagħtu l-ħabs hekk kif mhux qed ilaħħqu mal-ħlas tal-manteniment filwaqt li qed jiġu mċaħda li jqattgħu ħin ma’ uliedhom għajr għal ftit sigħat b’superviżjoni.
L-Għaqda qalet li din mhix biss sitwazzjoni li jbatu minnha biss il-ġenituri u l-ulied, iżda saħansitra qraba oħra. U għalhekk appellaw biex minnufih tittieħed azzjoni.
L-Għaqda ilha s-snin tappella lill-Gvern biex jaġixxi dwar diversi kwistjonijiet li qed ikissru lill-ġenituri u lit-tfal li qed jispiċċaw vittmi ta’ parental alienation. Iżda minkejja wegħda ta’ azzjoni… s’issa kollox għadu mwaħħal fid-diskussjonijiet.