Raġel ta’ 44 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li ffroda żewġ koppja €4,500 bejniethom. Noel Bonello ammetta li wettaq dawn ir-reati bejn April u Settembru tal-2023 u fil-ġranet jew xhur ta’ qabel.
Mill-provi mressqa mill-prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana rriżulta li waħda mill-koppja kellha diffikultajiet finanzjarji. Huwa nfurmahom li kien lest jgħinhom u jagħtihom donazzjoni ta’ €1 miljun imma talabhom jagħtuh €1,000 biex iħallashom bħala taxxi.
Meta raw li s-somma mwiegħda qatt ma waslet talbuh jirrifondilhom is-somma li tawh imma qatt ma raddielhom. Fil-każ tal-koppja l-oħra r-raġel qal li l-akkużat wegħdu li jagħtih €1 miljun u ltaqgħu diversi drabi biex jirranġaw it-trasferiment.
Kull darba l-akkużat kien jitolbu xi flus bl-iskuża li jrid iħallas lin-nutar, lill-bank u spejjeż oħra u għalkemm hu u martu għaddewlu b’kollox €3,500 u baqgħu ma ħadu xejn lura.
Minbarra l-piena ta’ sentejn ħabs, il-Maġistrat Caruana mmulta lil Bonello €1,000 u ordnalu jirrifondi l-flus li ħa b’qerq liż-żewġ koppji. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Cassar u Gabriel Kitcher.
//= $special ?>