Adhanom Gebrit, Eritrean ta’ 21 sena, li ilu jgħix Malta tliet snin ġie kundannat 24 xahar ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li ammetta li sena l-oħra seraq basket bi flus u oġġetti minn karozza fil-Marsa. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni spjegat li s-serqa seħħet bejn il-21 u t-22 ta’ Ottubru li għadda.
Ħareġ li l-basket li nsteraq kien fih Revolut card, żewġ credit cards, mobile u madwar €300 fi flus kontanti. Irriżulta wkoll li uża r-Revolut Card biex għamel żewġ tranżazzjonijiet ta’ €5.30, oħra ta’ €15.90 u oħra ta’ €50. Intqal, li l-ħames tranżazzjoni li Gebrit ipprova jagħmel ma saritx għax ma kienx hemm flus biżżejjed fil-kont.
Fis-sentenza tagħha, l-qorti nnotat fost l-oħrajn li l-akkużat diġà ngħata ċans biex jirriforma ruħu u jżomm ‘il bogħod mill-kriminalità iżda m’għarafx jisfrutta din l-opportunità. Gebrit ġie kkundannat 15-il xahar ħabs u disa’ xhur priġunerija oħra talli wettaq dan ir-reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. Il-Maġistrat Farrugia ordnatlu wkoll iħallas €350 fi spejjeż tal-Qorti u €500 lill-vittma.
//= $special ?>