Lokali Qorti

Dun Luke Seguna jsostni li l-qorti kisret id-drittijiet tiegħu bit-telfien tal-laptop

L-eks kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna ressaq kawża kostituzzjonali urġenti fejn sostna li kien hemm ksur tad-dritt tiegħu għal proċess ġust wara li l-laptop tiegħu intilef mill-kamra tal-esibiti tal-qrati. Il-qassis, li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, sostna wkoll li provi oħra maqbuda mill-pulizija meta kienu bdew l-investigazzjonijiet tagħhom qatt ma ġew mgħoddija lill-esperti maħtura mill-qorti u li l-katina ta’ kustodja tal-provi daqstant importanti ntilfet.

Il-każ ġie ppreżentat wara li nhar it-Tlieta l-qorti kienet infurmata li l-laptop sekwestrat mill-qorti – MacBook Pro – ma setax jinstab fil-kamra tal-esebiti tal-qorti. L-espert tal-Qorti Keith Cutajar qal lill-Maġistrat Rachel Montebello kif ġie nnominat mill-qorti biex jeżamina l-kontenut tal-laptop, meta hu talab lill-uffiċjal tal-esebiti għal dan l-apparat, dan ma setax jinstab.

Il-laptop kien esebit fil-qorti mill-prosekuzzjoni fid-19 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet. Peress li huwa xi ftit imdaqqas ma jinżammx mad-dokumenti tal-qorti iżda jintbagħat fil-kamra tal-esebiti wara li jiġi allokat lilu numru ta’ reġistrazzjoni.

Cutajar qal li, meta talab il-laptop u pproduċa d-dati u n-numru rilevanti, l-uffiċjal tal-esebiti qallu “ma nistgħux insibu l-laptop”. Il-maġistrat ordnat li l-uffiċjal tal-esebiti jiġi mħarrek biex jixhed fis-seduta li jmiss flimkien mal-uffiċjal tal-pulizija li esebih.

L-espert tal-Qorti kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Dun Luke Seguna li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, misapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus, bil-prosekuturi jsostnu li qarraq mal-150 mill-parruċċani tiegħu minn madwar €500,000 fuq medda ta’ 10 snin.

F’rikors urġenti li tressaq fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, Seguna sostna li d-dritt tiegħu għal proċess ġust kien inkiser meta intilef il-laptop. Hu u provi dokumentarji oħra maqbuda mill-pulizija wkoll qatt ma ġew mgħoddija lill-maġistrat inkwirenti, bi ksur sfaċċat tar-responsabbiltà bażika tal-uffiċjal investigatur li jippreserva l-katina ta’ kustodja ta’ tali provi.

L-avukati ta’ Seguna Jose Herrera, Matthew Xuereb u David Camilleri saħqu li n-nuqqasijiet amministrattivi bdew meta l-pulizija naqset milli tinforma lill-maġistrat inkwirenti sabiex il-provi dokumentati jiġu kkonservati minn esperti maħtura mill-qorti.

Il-laptop nieqes u d-dokumenti neqsin maqbuda mid-dar tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk mill-pulizija kienu importanti biex tipprova l-innoċenza tiegħu. Il-laptop ġie analizzat mill-pulizija, li mhumiex esperti tal-qorti u m’hemmx serħan tal-moħħ dwar x’għamlet bih il-pulizija, sostnew l-avukati.

Qalu li dawn in-nuqqasijiet kollha kienu qed jonqsu milli jassiguraw li l-klijent tagħhom jingħata proċess ġust u talbu lill-qorti biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Fuq numru ta’ seduti minn Awwissu li għadda, bosta parruċċani xehdu dwar ix-xogħol siewi li għamel Dun Luke għall-knisja parrokkjali u n-nies ta’ Marsaxlokk, uħud qalu li tilfu l-atti ta’ karità tiegħu, minn mindu tneħħa.

Ix-xhieda qalu li huma volontarjament taw fondi taħt is-sistema tal-“arbural”, filwaqt li oħrajn spjegaw li kienu jagħtu flus lill-qassis biex jintużaw minnu kif jidhirlu l-aħjar. Madankollu, il-prosekuturi jsostnu li l-qassis kellu mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’diversi kontijiet bankarji, flimkien ma’ kollezzjoni ta’ ħames muturi u żewġ karozzi, minkejja dħul relattivament żgħir bħala uffiċjal tal-kleru.

Diversi tranżazzjonijiet bankarji suspettużi kienu wasslu għal investigazzjonijiet tal-pulizija fir-rigward tiegħu. Madwar €148,000 allegatament ġew rintraċċati għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-pagamenti marbuta ma’ sit tal-porn, filwaqt li l-pulizija skoprew ukoll diversi ċekkijiet li jammontaw għal madwar €18,000 maħruġa minn parti terza lill-qassis.