Lokali

Evidenza li turi żbilanċ kontinwu mill-PBS

“Il-PBS ġabuh magna ta’ propoganda favur Robert Abela u l-Gvern Laburista – jiċċensuraw kull messaġġ ta’ kritika lejn il-Gvern.”

Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino hekk kif matul il-jum tal-Ħamis il-Partit Nazzjonalista kellu smiegħ quddiem l-Awtorità tax-Xandir fejn preżentaw ħdax-il ilment sabiex jiddiskutu u jagħmlu argumenti rigward l-iżbilanċ kontinwu fuq ix-Xandir tal-Istat. Bis-Segretarju Ġenerali jinsisti li l-PBS qed tiċċensura kull tip ta’ kritika lejn il-Gvern…ġejja minn fejn ġejja.

Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista talab li jingħataw statistika ta’ kemm kien hemm CLIPS tal-Gvern u l-Oppożizzjoni fl-aħħar sena – u li dawn sussegwentament ġew mgħotija mill-PBS.

U wara dan kollu, Michael Piccinino saħaq li mn’Alla dan il-pajjiż għandu l-midja tal-Partit Nazzjonalista, ċioè Net Media – għaliex hekk biss tista’ tara l-veduti li ma jridekx tisma’ Robert Abela.

Is-Segretarju Ġenerali insista li l-Partit Nazzjonalista kburi li fuq il-pjattaformi ta’ Net Mews jintwerew il-veduti ta’ kulħadd, u saħaq li għalhekk huwa importanti li l-midja tal-Partit Nazzjonalista tkompli tissaħħaħ.