Lura fix-xena – Frank Fabri, l-eks segretarju permanenti fiż-żmien il-kaos assolut fil-Ministeru tal-Edukazzjoni taħt Gvern Laburista, issa inħatar Kap Eżekuttiv ta’ Aquatic Resources Malta – entità ġdida li se tkun qed tiffoka fuq ir-riċerika u l-innovazzjoni tal-akwakultura.
Bosta, b’mod inevitabbli u loġiku qed jistaqsu xi kwalifiċi u esperjenza għandu Fabri f’dan is-settur, ċioè tal-ibħra Maltin u Għawdxin, b’diversi esperti jinsabu perplessi kif Frank Fabri huwa espert kemm fl-Edukazzjoni, kif ukoll fit-turiżmu u issa anke fis-sajd.
Fabri, huwa magħruf għaż-żmien li għamel fost oħrajn bħala l-id il-leminija tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana – l-istess Caruana li kienet tat kuntratt ta’ 15,000 ewro lil seħibha Daniel Bogdanovic, kuntratt iffirmat minn ħadd ħlief Frank Fabri, għall-persuna li ma kellu l-ebda kwalifika li tippermetti x-xogħol li ingħata.
Fid-dawl ta’ dan l-iskandlu, Caruana irreżenjat mill-kariga tagħha ta’ Ministru bis-b’Fabri jirreżenja ftit wara. Dan filwaqt li sabu ruħhom investigati mill-Kummissarju tal-Istandards, dak iż-żmien George Hyzler, illi kkonkluda li Caruana u Fabri kissru l-etika bl-aġir tagħhom.
Wara dan il-perjodu..u minkejja li nstab ħati għal ksur ta’ etika…Frank Fabri kien ġie rrapportat li kien inħoloqlu impjieg apposta għalih fl-iskola tal-ITS, bħala General Manager, liema impjieg kemm tħallas għalih bi preċiż baqa’ mhux magħruf.
U issa, Fabri sab ruħu f’kariga għolja oħra fi ħdan entità ġdida tal-akwakultura bħala Kap Eżekuttiv, fejn se jkun qed isegwi proġetti li jammontaw għal aktar minn 10 miljuni.
//= $special ?>