L-ewwel jivvota kontra, issa jibda jimplimenta dak li kien propost mill-Partit Nazzjonalista
Minflok ma fittex ta s-serħan il-moħħ mill-aktar fis u żied is-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni, il-Gvern għażel li l-ewwel jivvota kontra emendi tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament b’rabta ma’ dan kollu u issa, wara ftit xhur, għażel li jibda jimplimenta l-emendi proposti mill-Partit Nazzjonalista.
F’dan is-settur, wara snin sħaħ ta’ tkaxkir tas-saqajn, fejn is-settur tħalla għal riħu, bil-paroli fil-Parlament il-Gvern Laburista qabel ma dan kollu iżda vvota kontra.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li l-Gvern qed jimplimenta dak li propona xhur ilu, primarjament dwar il-ħtieġa ta’ polza ta’ assigurazzjoni wiesa’ li tkopri lil ħaddiema u lil terzi (Employers’ Liability u Public Liability) għall-perjodu sħiħ ta’ responsabbiltà.
Minkejja dan, bħalma hi l-prassi tal-Gvern Laburista sa minn żmien it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, il-Gvern reġa’ għażel li jimplimenta t-tibdil bil-biċċiet, bl-iskossi u b’mod illapazzat.
Il-Ministru Jonathan Attard ma tgħallimx minn ta’ qablu u qed jonqos milli jimplimenta elementi kruċjali f’din ir-riforma importanti, fosthom il-klassifikar tal-kuntratturi skont l-esperjenza, l-ammont ta’ impjegati, l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni, inkluż fir-rispett lejn l-ambjent, fil-qasam soċjali u fil-governanza tajba.
Anke jekk, skont dak li ntqal fil-Parlament, il-Gvern jaqbel mal-Partit Nazzjonalista li din is-sistema għandha tkun sostnuta b’aġġornament kontinwu tal-iStandards Okkupazzjonali Nazzjonali (NOSs) u bil-ħruġ tal-iSkills Cards, il-Gvern għażel li jħalli dan għal darb’oħra.
Il-Gvern qed ikun supperv ukoll dwar kriterji aktar ċari, li jinkludu wkoll iċ-ċertifikati ta’ compliance mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-VAT, kif ukoll validazzjoni minn JobPlus u d-DIER dwar il-permessi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Mhux biss il-proċess tal-liċenzjar tal-kuntratturi hu staġnat, tant li l-Ministru kkonċernat ma għarafx iwieġeb jekk bħalissa hux qed jintlaqgħu applikazzjonijiet jew le, iżda wkoll diġà ħerġin diversi konsenturi fis-sistema. Eżempju ta’ dan huma xogħlijiet żgħar li normalment kienu jsiru minn bennejja liċenzjati li issa qed ikollhom iħallsu għal liċenzji oħrajn bi spejjeż żejda għall-klijenti.
Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jikkommetti ruħu li jibqa’ jaħdem għal riformi konsistenti u gradwali bħala parti minn pjan ħolistiku fejn, permezz tal-implimentazzjoni effettiva u mhux bil-lappazzar u bl-iskossi, tkun immodernizzata l-industrija tal-kostruzzjoni, titnissel il-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija, jitnaqqsu l-ispejjeż u jkollna serħan tal-moħħ, ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan intqal fi stqarrija minn Stanley Zammit ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet.
//= $special ?>