Lokali

“Il-ġustizzja soċjali mhix taħdem biżżejjed mal-anzjani” -PN

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Dritttijiet tat-Tfal, l-aktar b’riferenza għall-parti fejn tgħid li “il-miżuri soċjali kollha li komplew jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Ewlenija fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet”.

Iż-żieda ewlenija li ħadu l-pensjonanti fil-pensjonijiet tagħhom kienet riżultat taż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja u mhux għal xi miżuri speċifiċi min-naħa tal-Gvern. Iż-żieda kienet ukoll ir-riflessjoni tal-inizjattiva tal-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi fil-Budget għall-2008, fejn kien deċiż li “mill-1 ta’ Jannar 2008, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja se tingħata sħiħa lill-pensjonanti kollha”.

Qabel, iż-żieda kienet tkun ta’ żewġ terżi. Ara x’differenza kienet tagħmel fil-pensjonijiet, li kieku fl-2023 il-pensjonanti ngħataw żieda ta’ €6.60 minflok €9.90 u fl-2024 €8.54 minflok €11.81 għall-għoli tal-ħajja.

Il-pensjonanti, bħal kull persuna oħra, jinteressahom il-preżent u l-futur, iżda ma jistgħux ma jiftakrux fil-passat, aktar u aktar meta llum għandna Gvern li l-passat irid inessieh għax ma jaqbillux li jissemma’. Iżda min jinjora l-passat tiegħu, ma jkun jaf xejn dwar il-preżent.

Għalhekk, għalkemm il-paraguni huma odjużi, tajjeb li wieħed iqis kif kienet is-sitwazzjoni bejn l-ewwel 10 snin ta’ Gvern Laburista (2013-2022) u l-ewwel 10 snin ta’ gvern Nazzjonalista wara ħames snin u nofs ta’ friża fil-pensjonijiet taħt Gvern Laburista tas-snin 80.

Jekk ninkludu wkoll kemm għoliet il-ħajja, insibu kemm allura marru aħjar il-pensjonanti u l-anzjani taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, filwaqt li taħt Gvern Laburista l-pensjonant ingħata l-frak li jaqa’ min fuq il-mejda mimlija miljuni għal tal-qalba.

Lil hinn mill-ftaħir u l-propaganda, il-pensjonanti għandhom dritt għal pensjoni adegwata biex tara li mhux biss jeżistu, iżda jgħixu ħajja diċenti.

Dan intqal fi stqarrija minn Ivan Bartolo x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, Paula Mifsud Bonnici x-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva kif ukoll mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti.