Il-gwerra fl-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022 qed tidħol f’sena ġdida li bla dubju għandha tkun iddominata mid-dmija kontinwa, inċertezza u żviluppi sinifikanti fuq il-kampijiet tal-battalja.
Dan ukoll meta fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għandhom jinkitbu aktar paġni ta’ swied il-qalb f’din l-istorja traġika tal-poplu Ukren li għadu qed jirreżisti lill-qawwiet tar-Russja biex, fuq kollox, jippreserva l-identità ta’ pajjiżhom….Stat sovran f’għajnejn id-dinja u li l-President Putin irid jinkorporah f’’imperu ġdid’ simili għall-eks Unjoni Sovjetika komunista.
L-invażjoni militari totali tar-Russja f’dawn is-sentejn issarrfet f’telf ta’ ħajja simili għall-akbar eċċessi tat-Tieni Gwerra Dinjija. U x-xhur ta’ battalji bla heda, minbarra l-politika brutali tal-Kremlin, qed ikomplu jimponu kalvarju bla tmiem għall-miljuni taċ-ċivili Ukreni….Tbatija u kalvarju li se jibqgħu jinħassu anki fost il-ġenerazzjonijiet tal-futur fl-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, Volker Turk, li hu l-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-ħarsien tad-Drittijiet Umani, qal li l-azzjonijiet militari tal-Kremlin fl-Ukrajna komplew iwasslu għall-atroċitajiet għall-ispejjeż tal-komunitajiet ċivili u li qerdu l-preżent u l-futur għal għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni innoċenti.
Fl-istess ħin – minbarra l-anniversarju tal-gwerra fl-Ukrajna – qed jitfakkar anki anniversarju ieħor sinifikanti meta r-Russja, għaxar snin ilu, ħatfet il-kontroll tal-penisola tal-Krimea minn idejn l-Ukreni u fejn għaqqdet lilha u l-belt Ukrena ta’ Sevastopol mat-territorji kontrollati mill-Kremlin.
Fl-aħħar rapport tagħha, il-Human Rights Monitoring Mission tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Ukrajna verifikat madwar 31,000 vittma ċivili fl-Ukrajna mill-24 ta’ Frar tal-2022 sallum. Fost dawn hemm aktar minn 10,000 ċivili maqtula u talanqas 20,000 midruba – biċ-ċifri tal-vittmi kapaċi tkun bil-wisq ogħla milli tirrifletti l-istatistika.
Fl-Ukrajna tallum hemm anki l-miljuni tar-refuġjati interni, b’eluf kbar jitilfu djarhom u bil-mijiet tal-istituzzjonijiet mediċi u edukattivi jġarrbu l-ħsarat inkella jinqerdu totalment taħt il-bumbardamenti tal-qawwiet Russi.
Fl-istess ħin, traġedja umana oħra li qed jiffaċċjaw l-Ukreni tinvolvi t-telfa tad-dritt għall-kura medika u l-edukazzjoni b’kaġun taċ-ċirkustanzi terribbli –- bl-awtoritajiet fil-pajjiż qed jitkellmu diġà dwar ‘ġenerazzjoni mitlufa’ b’kaġun tal-politika qerrieda ta’ Moska.
//= $special ?>