Sport Sport Ieħor

Kyle Satariano u Rachela Pace rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Jannar

Hekk kif minn din is-sena l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar se jibda jkollu żewġ rebbieħa, Kyle Satariano (Darts) u Rachela Pace (Atletika) huma r-rebbieħa għal Jannar.

Kyle Satariano, ta’ 11-il sena, rebaħ tournament internazzjonali tad-darts li sar f’Gevelsberg, il-Ġermanja. Satariano, huwa meqjus bħala plejer li jipromettenti pparteċipa ma’ 17-il plejer fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena fejn ġie l-ewwel fil-grupp b’punti massimi u fil-finali għeleb lil Nevio Rizzo 4-0.

Huwa kellu wkoll logħba ta’ esibizzjoni tad-doubles mad-darbtejn champion tad-dinja Gary Anderson.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Jannar kien ippreżentat lil Kyle Satariano minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance.

Għall-Għaqda Ġurnalisti Sports preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Rachela Pace ta’ 20 sena, hija r-rebbieħa l-oħra ta’ dan l-unur. Hija għamlet rekord nazzjonali ta’ 13.29m fl-indoor triple jump.

Ir-rekord ta’ qabel kien 12.62m ta’ Rebecca Sarè. Ġimgħatejn wara r-rekord fl-indoor triple jump, Pace kisbet rekord ieħor ta’ 6.31m fl-indoor long jump .

L-aħħar rekord kien ta’ 6.08m, ta’ Rebecca Camilleri. L-atleta Maltija bħalissa qed tattendi l-Fresno State University, f’Kalifornja, fl-Istati Uniti .

L-għażla ssir b’ inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance.