Internazzjonali

L-Istati Uniti: Laqgħa sinifikanti f’Kalifornja bejn il-President Biden u l-qraba ta’ Navalny

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, kellu laqgħa privata, f’Kalifornja, ma’ Yulia Navalnaya, il-mara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny li miet jiem ilu f’ħabs tas-Siberja, u meta preżenti wkoll kien hemm it-tifla tiegħu, Dasha.

Wara din il-laqgħa, Biden kiteb li ‘il-wirt kuraġġjuż ta’ Alexei Navalny se jinżamm ħaj permezz ta’ martu u bintu’, bil-laqgħa tiegħu magħhom, f’San Francisco, titqies bħala waħda li tissimbolizza l-pożizzjoni tal-Gvern Amerikan rigward il-mewta ta’ Navalny li seħħet f’ċirkustanzi misterjużi għall-aħħar.

Il-kelliema għall-ħabs fejn kien qed jinżamm Navanly — il-kritiku ‘numru wieħed’ tal-President Russu Vladimir Putin — qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni miet (aktar minn ġimgħa ilu) ftit wara li hu kien mar għal passiġġata. Madankollu, Yulia Navalnaya, l-istess bħal diversi Mexxejja tal-Punent, esprimew il-ħsieb, pubblikament, li Alexei Navalny kellu jmut ‘fuq l-ordnijiet speċifiċi ta’ Putin innifsu’.