Lokali

Mal-bidwi Malti l-Gvern qed jimxi “b’id tal-ħadid”

L-inqas ħaġa li stajna nagħmlu huwa li min jirrapreżentana jaqbeż għalina u nixtieq ikun naf x’sar  min-naħa tal-Gvern?

Hekk sostna Toni Bezzina ix-Shadow  Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd waqt programm fuq TVM illi iffoka fuq il-proposti li ressqu l-bdiewa u r-raħħala wara t-tieni protesta li organizzaw sabiex il-prodott Malti jkun stmat.

Malcolm Borg, Koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, qal li l prodott lokali huwa superjuri minn kull prodott li jiġi mpurtat iżda ħafna drabi l-pubbliku ma jixtirix skont il-kwalità imma skont il-prezz.

Borg spjega li ħafna drabi il-bidwi u r-raħħal f’pajjiżi barra l-Ewropa qed jiprovdu prodott bi standards iktar baxxi u barra minn hekk in-nefqa tkun irħas. U b’riżultat ta’ hekk il-prezz jkun irħas minn dak tal-prodott Malti.

Dwar kif il-prezz tal-prodott Malti jista’ jinżamm stabbli il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi qal li dan jinżamm stabbli permezz tal-kompetizzjoni ta’ prodotti li jiġu impurati mill-Ewropa – pero jekk prodotti jiġu impurtat minn pajjiżi oħra bħall-Marokk u l-Eġittu, dawn ikunu daqqa għall-prodott lokali. Kif fil-fatt qed jiġri.

Dwar il-liġi Farm to Fork Malcolm Borg qal li din għandha numru ta’ miri pożittivi u li Roberta Metsola kellha għan nobbli iżda l-Gvern irid jemenda din il-liġi skont il-pajjiż

Problema oħra li qed jaffaċċja l-bidwi u r-raħħal lokali hija n-nuqqas ta’ kontrolli li qed isiru fuq il-prodott li jiġi impurtat. Dwar dan, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa x’qed jagħmel il-Gvern u x’ tip ta’ ittestjar qed issr fuq il-prodott importat.

Ix-Shadow Minister Nazzjonalista fisser kif konsenja larinġ bil-weraq twaqqfet għax ipprotestaw il-bdiewa, u konsenja patata bil-ħamrija tħalliet tidħol f’pajjiżna  qabel ma protestaw il-bdiewa – u huwa propju għalhekk li l-bdiewa lokali mhux qed jaħdmu f’level playingfield.

Intant, quddiem dawn il-fatti kollha l-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista Clint Flores u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura Sharlo Camilleri  infexxew f’attakki kontra l-Unjoni Ewropea u ma taw l-ebda soluzzjoni dwar kif se jkun qed jgħinu lill-bidwi u r-raħħal Malti.