Lokali Qorti

Miċħuda l-libertà proviżorja għal raġel akkużat bl-attentat ta’ stupru ta’ l-eks sieħba tiegħu

Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Bormla, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq 15-il akkuża, li kienu jinkludu attentat ta’ stupru tal-eks sieħba tiegħu. L-imputat, li mhux qed jissemma sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja tal-mara inkwistjoni, ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Jannar li għadda, wara li ngħata l-libertà proviżorja f’każ ta’ vjolenza domestika li jikkonċerna l-istess mara.

Il-koppja hu mifhum li rrikonċiljat għal ftit ta’ żmien wara l-ħelsien mill-arrest, sal-inċident tal-5 ta’ Frar. F’dik id-data, intqal fil-Qorti, argument bejn it-tnejn inqala’ fi vjolenza għall-ħabta tal-10pm, bl-imputat ikun allegat li weġġa’ serjament lill-mara, qabel ma pprova jistupraha.

Fil-Qorti ntqal li hu kien ħa wkoll il-mobile tagħha dak il-ħin. Minkejja dan, il-mara kienet irnexxielha taħrab u marret tagħmel rapport fl-għassa. Waqt l-aggressjoni l-mara sofriet ukoll ġrieħi fil-wiċċ li, l-avukati tagħha qalu, li jistgħu jeħtieġu operazzjoni.

Hekk kif tressaq il-Qori l-akkużat wieġpeb mhux ħati. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba minn naħa tal-
Avukat Mario Mifsud, li assista lill-imputat. L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Colin Galea qed jidher għall-mara bħala parte civile.