Numru ta’ persuni tilfu ħajjithom fuq il-baħar, ‘il barra mill-kosta Maltija wara inċident li fih kienet involuta dgħajsa bl-immigranti. B’sorsi jikkonfermaw ma’ Net News li din id-dgħajsa inqalbet meta kienet ftit mili biss ‘il bogħod minn pajjiżna.
Fiz-zona tat-traġedja issejħu kemm l-AFM kif ukoll is-CPD li assistew fis-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti.
Sfortunatament, jidher li erbat irġiel u mara tilfu ħajjithom, waqt li tmien irġiel oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
Il-katavri tal-vittmi iddaħħlu f’Xatt it-Tiben.
Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta Maġisterjali.
AKTAR KMIENI
Diversi persuni ġew salvati mill-baħar wara inċident li seħħ illum għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart. S’issa, għadu mhux ċar x’kienet id-dinamika tal-każ – għalkemm issejħu kemm is-CPD kif ukoll l-AFM sabiex jassistu.
F’din il-ħidma qegħdin jintużaw bosta opri tal-baħar li qegħdin itellgħu lill-persuni nvoluti, illi ddaħħlu f’Xatt it-Tiben fejn qegħdin jingħataw l-ewwel għajnuna minn bosta timijiet mediċi li waslu f’Sa Maison. Fil-fatt, fil-post hemm mal-erba’ ambulanzi.
Dawk salvati ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-aktar kura.
//= $special ?>