Lokali

Robert Abela jibqa’ jaħrab minn dibattitu ma’ Bernard Grech

Mhux l-ewwel darba li Robert Abela ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet sempliċi fuq temi li l-iktar qed jaffetwaw lil pajjiżna. U fl-aħħar snin rajna wkoll lill-istess Abela li għadu ma sabx il-kuraġġ li jaffronta lil Bernard Grech għal dibattitu – tant li kull sejħa li saret fuq stazzjonijiet differenti, huwa dejjem irrifjutha u ħarab milli jattendi. Bil-Kap tal-PN, Bernard Grech jgħid li hu qatt ma kellu problema jiddibatti ma’ Robert Abela.

Meta din il-ġimgħa kien intervistat fil-programm Spotlight, Bernard Grech qal li dan kollu hu sforz il-biża’ li qed taħkem lil Robert Abela għaliex jaf li ma jistax iwieġeb għall-ħniżrijiet li qed jagħmlu l-membri Laburisti u oħrajn tal-qalba waqt li l-poplu qed jara kif se jwassal sal-aħħar tax-xahar.

Dawn kienu wkoll ġimgħat li fihom Robert Abela affaċja inkwiet intern kbir, tant li kellu jbaxxi rasu għal diversi esponenti antiki tal-Labour li qed jidħlu lura wara l-pressjoni li kien hemm mill-klikka ta’ Joseph Muscat.