Lokali

Robert Abela u Bartolo ma jridux jgħidu min approva ż-żieda li ngħata Johann Grech

Johann Grech mill-MFC u l-Ministru Clayton Bartolo

Għaqli. Hekk qed jiddeskrivi ż-żieda ta’ €90,000 li rċieva l-Kummissarju tal-Films Johann Grech – €150,000 fis-sena għal 4 snin. €12,500 fix-xahar – ammont deskritt mill-Ministru Clayton Bartolo bħala għaqal.

Il-Ġimgħa waranofsinhar Net News staqsa lil Bartolo min ta l-barka biex Grech jingħata din iż-żieda…bil-Ministru jisħaq li dan kien approvat skont il-proċeduri taċ-Ċivil.

Domanda li staqsejna aktar kmieni din il-ġimgħa lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Mistoqsija li għamilna anke lill-Prim Ministru Robert Abela l-Ġimgħa filgħodu, li ukoll naqas milli jwieġeb.

Kuntratt li jinkludi ħlas bażiku ta’ €115,000…kif ukoll  fost oħrajn €11,000 disturbance allowance, €10,000 spejjeż, karozza u servizz tal-mowbajl kollha b’xejn.

Għal darba darbtejn staqsejna lil Robert Abela min effettivament approva din iż-żieda, waqt li pajjiżna għaddej min inflazzjoni bla ebda preċedent….bil-Prim Ministru joħroġ għonqu għal Grech u jgħid li ż-żieda kienet frott metodi amministrattivi.

Mistoqsi dwar din il-paga esaġerata…Robert Abela fakkar li l-Gvern jinsab f’tellieqa mal-privat.

Intant, staqsejna l-istess domanda lill-Ministru Clayton Bartolo, ċioè jekk hux normali li persuni viċin tal-qalba jitħalsu dawn il-pagi…bil-Ministru jfarfarha fuq amministrazzjonijiet preċedenti.

Filwaqt li n-nefqa multi miljunarja  ta’ Johann Grech qed tiġi investigata mill-Awditur Ġenerali – il-poplu għadu qed jistenna kemm ġie jiswa’ l-Mediterrane Film Festival….u wara li ilna minn Settembru nistennew kemm ġie jqum lit-taxxi tal-poplu…illum qalilna li l-ġimgħa d-dieħla jippubblika n-numri.