Sport Sport Ieħor

Team Coca Cola jirbħu l-King of Spain Cup

Team Coca Cola rebaħ il-King of Spain Cup, tournament organizzat mill-Malta Polo Club.

It-tim rebbieħ kellu bħala captain lil Matthew Borg, flimkien ma’ Greg Gera, Patricio Rattagan u Simon Psaila fejn kienu konsistenti tul il-chukkas kollha li lagħbu sabiex meritatament ħarġu rebbieħa.

Filfatt, Team Coca Cola għeleb lil Team Dragonara 7-1 u lil Team Veuve Cliquot 3-0 sabiex kiseb punti massimi f’din il-kompetizzjoni.

Fit-tieni post spiċċaw Team Veuve Cliquot magħmul minn Mariano Lopez, Jeremy Besancon, Ivan Camilleri u Chris Delia li għelbu lil Team Dragonara 5-3.

Dragonara permezz ta’ Gaston Etcheberry, Karl Galea, Jean Vella u Matthew Grech temmew fit-tielet post mingħajr ebda rebħa.

Għal dan it-tournament, il-Malta Polo Club biddel il-format tal-kompetizzjoni għal stil Amerikan fejn inkluda wkoll xi plejers professjonali Arġentini li flimkien ma’ plejers Maltin ipprovdew kwalita’ ta’ logħob ta’livell għoli.

Fi tmiem il-konfront, l-Ambaxxatur ta’ Spanja għal Malta Jose Maria Muriel Palomino ippreżenta l-King of Spain Cup lill-captain ta’ Team Coca Cola Matthew Borg.