Twanny Buttigieg, residenti Bormla, u li kien jgħix f’kamra mal-annimali, u li kien ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati fuq theddid fil-konfront tal-eks mara tiegħu, kellu l-piena ta’ ħabs konfermata mill-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Natash Galea Sciberras.
Fost it-theddid fil-konfront ta’ martu kien hemm diskors bħal “se noqtlok kif inqatlet Bernice Cassar.” Mill-provi li ħareġ fil-Qorti jirriżulta li huwa sawwat lil mara, kkawżalha biża serja u fastidju. L-akkużat u l-vittma ilhom ħames mhux flimkien u xorta waħda baqa’ jiffitaha.
Huma għandhom ukoll tliet ulied ta’ 20, 12 u 8 snin. Skont il-prosekuzzjoni l-akkużat, li ma jaħdimx u għandu l-vizzju tad-droga, ta’ spiss iċempel lill-eks mara tiegħu u jitlobha l-flus. Theddid ieħor kien li jekk ma tagħtihx il-flus, se jweġġagħha u joqtol lilha u lill-familja tagħha.
Hu nstab ħati li wettaq dawn ir-reati bejn Novembru, 2022 u Marzu, 2023. Quddiem l-Ewwel Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat, li ma jaħdimx u għandu l-vizzju tad-droga, u kien jgħidilha biex tisma’ minnu.
Huwa kien instab ħati mill-Ewwel Qorti u ngħata li kienet ħarġet ordni ta’ trażżin u ta’ sigurtà favur il-mara għal tliet snin. Hu appella mis-sentenza u talab lill-Qorti biex tilliberah jew tagħtih piena oħra. Qal li għandu l-vizzju tad-droga u l-ħabs mhux post adekwat biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Qorti kienet semgħet kif irrapportatu lill-Pulizija tliet darbiet. Il-vittma qalet li wara li r-relazzjoni tagħhom spiċċat, darba fost l-oħrajn ħarġet tiekol ma’ ħabib tagħha u meta sar jaf beda jċemplilha, jheddidha u jitlobha l-flus. Ikkonfermat ukoll li l-akkużat kellu l-vizzju tad-droga.
Il-vittma qalet li ftit qabel ma kienet marret tirrapportah, għall-ħabta tat-3.15am mar wara darha u ċemplilha tliet darbiet. Qalet li ċemplet lill-Pulizija iżda sakemm waslu laħaq telaq. Tenniet li baqa’ jċemplilha biex tagħtih il-flus għad-droga u tant kienet qed tibża’ minnu li lanqas kienet qed tmur ix-xogħol u kienet toħroġ biss biex tieħu t-tfal l-iskola. Qalet li kienet tirrispondi t-telefonati tiegħu għax inkella ma kienx jieqaf.
F’telefonati rrekordjati li għaddiet lill-Pulizija jinstema’ tgħajjir u theddid ta’ mewt mingħand l-imputat fil-konfront tal-vittma u qrabatha. Minn naħa tiuegħu hu argumenta li t-telefonati ġew irrekordjati mingħajr il-kunsens tiegħu u tressqu bħala prova wara li nkisbu b’mod illegali.
Madankollu, ħareġ li kien jaf li qed jiġi rrekordjat għax darba jinstema’ jgħidilha “irrekordjani, naf li qed tirrekordjani”. Għalhekk il-Qorti tal-Appell qalet li dawn il-provi ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli.
“Mur ġibli lit-tfal għax żewġ tiri ħa ntik”
Fil-Qorti, ingħad li hu kien jaħseb li qiegħda ma’ raġel ieħor li jaħdem fil-Korp tal-Pulizija. Fir-recordings jinstema’ jgħidilha “Ja qaħba. Mur ġibli lit-tfal għax żewġ tiri ħa ntik … Qed tismagħni?” Minkejja li kienet qaltlu li m’għandha l-ħadd, xorta baqa’ jheddidha “….kemm ħa ntik u lit-tfal ħa neħodhomlok. Se ngħidilhom kollox x’għamiltli”.
Theddid ieħor kien jikkonsisti bħal “wiċċek intajjarulek bħalma għamel dak” ,b’referenza għall-każ ta’ Bernice Cassar. Huwa kompla jheddidha li jdaħħlilha l-kanna fil-parti privata tagħha. Kompla jheddidha bi kliem bħal “biċċiet ħa nċartek.”
F’aktar recordings huwa jinstema’ jgħidilha. “Tħallinix nagħmel murder”. Għada ġibli t-tfal bil-kelma t-tajba.” Huwa kompla jheddidha “Caw għada fis-sagħtejn inkun qed nistenniek għax … lil ommok u lil missierek f’daqqa. Fhimt hux”.
Kien jitlobha bejn €60-€120 kuljum għad-droga
Fil-Qorti nstema’ li meta ġie investigat dwar dan it-theddid l-imputat qal li kien irrabjat u qalbu muġugħa. Instema’ kif kien jitlobha bejn €60-€120 kuljum għad-droga. Kien jheddidha li se jispara lit-tifla u għalhekk kienet tagħtih il-flus biex tipproteġi lit-tfal
Intqal li darba kissrilha l-windscreen tal-karozza u bdiet tibża’ u waslitu Bormla biex jixtri d-droga. Qalet li darba heddidha quddiem it-tifla li jagħmlilha bħalma ġara lil Bernice Cassar u jiddispjaċih għat-tfal li se jispiċċaw bla omm.
Binthom tgħid kemm ommha kienet tkun imbeżża’
Kien ukoll jheddidha li se jispara lit-tifla u għalhekk kienet tagħtih il-flus biex tipproteġi lit-tfal. Qalet ġieli ddejnet sabiex tagħtih il-flus. Qalet li spiċċat li lanqas kellha biex tixtri l-ikel lit-tfal għall-iskola. It-tifla, li kellha 20 sena u li kienet taħdem, qalet li ommha kienet tkun imbeżża’ minħabba fih u peress li kienet taħdem ta’ billejl – ommha kienet tgħidilha biex wara x-xogħol ma tmurx id-dar, biex ma tmurx tinzerta lil appellant wara l-bieb.
Il-Qorti tal-Appell qalet li x-xhieda tat-tifla ssaħħaħ ix-xhieda tal-omm. Dwar il-vizzju tad-droga, il-Qorti tal-Appell, innotat li ma kienx konsistensti fil-kuntatt mal-Caritas. Innotat kif mal-Uffiċjal tal-Probation kien qal li ma jridx jagħmel il-programm u kien konvint li mhux se jieħu aktar u għalhekk ma jeħtieġx il-programm. Wara li qieset kollox, il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx it-talba tiegħu u kkonfermat l-ewwel sentenza fl-intier tagħha.
//= $special ?>