Illum issir il-Quddiesa Pontfikali ppreseduta minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna flimkien mal-Kapitlu.
Waqt l-omelija l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar fil-ħames doni li jsemmi Dun Karm Psaila fl-Innu Malti li huma d-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem – ħames doni li San Pawl għallimna dwarhom. Huwa qal li l-esperjenza tagħna kontinwament naraw il-ħniena ta’ Alla dan apparti li saħaq fuq l-importanza li nkunu magħqudin u li naħfru lil xulxin.
Monsinjur Charles Scicluna qal li San Pawl ġie fostna bħala bniedem dgħajjef wara li l-ġifen li kien fuqu ġġarraf iżda wasal fostna bil-qawwa ta’ Alla. Hawnhekk huwa qal li San Pawl ġab ħafna ferħ fid-djar wara li kien fejjaq lil missier Publiju.
Fl-omelija l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq fuq l-importanza li jkun hawn il-paċi fid-dinja u hawnhekk huwa rrefera għall-gwerra li għaddejja bħalissa fil-Lvant Nofsani fejn inqatlu eluf ta’ persuni innoċenti.
Preżenti kien hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kif ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President George Vella bil-knisja kienet ippakjata bin-nies illi nġabru fil-belt kapitali għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Fis-12.45pm jingħata bidu għall-marċ tradizzjonali tas-Siegħa imtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini bis-sehem tal-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette.
Il-qofol tal-festa jintlaħaq fil-5.30pm, hekk kif toħroġ il-purċissjoni Sinodali bil-vara ta’ San Pawl u r-relikwa tad-Driegħ Mirakoluż. Jakkumpanjaw il-purċissjoni, is-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat flimkien mal-Banda tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun.
Il-purċissjoni tgħaddi minn dawn it-toroq: Triq San Pawl, Triq San Duminku, Triq il-Merkanti, Triq it-Teatru l-Antik, Triq ir-Repubblika, Pjazza San Ġwann, Triq il-Merkanti, Triq Melita u Triq San Pawl.
F’nofs il-purċissjoni, issir l-iStqarrija tal-Fidi fi Pjazza San Ġwann immexxija mill-Arċipriet, il-Kan. David Cilia għall-ħabta tas-7pm.
//= $special ?>