Kunsilli Lokali Lokali

“Il-poplu ħaqqu l-aħjar servizz – flimkien se naslu”

“Bil-ħila ta’ kull wieħed u waħda minnkom se naslu – il-poplu ħaqqu l-aħjar servizz – it-tama, id-dinjità – lokalitajiet li tassew jixraqilhom”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif is-Sibt filgħodu saret konferenza organizzata mill-Partit Popolari Ewropew bit-tema Insaħħu l-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli Reġjonali f’Malta.

Huwa rringrazzja lill-kunsilliera kollha fejn insista li huma verament qed jagħmlu d-differenza.

Huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li welled kif ukoll dejjem emmen fil-kunsilli lokali. Għalhekk huwa kompla jisħaq fuq il-fiduċja li għandu l-Partit Nazzjoanlista fil-kunsilliera.

Bernard Grech tenna li għall-Partit Nazzjonalista l-kunsillier lokali huwa pont bejn ir-residenti u il-lokalita.

Finalment huwa saħaq li kull kunsillier irid dejjem iġib il-kunsill lokali dejjem fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu.

Intant kienu diversi kunsilliera kif ukoll kandidati għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali minn diversi lokalitajiet li kienu preżenti għal din il-konferenza fejn tkellmu dwar numru ta’ sfidi li qed jaffaċċjaw fil-ġurnata ta’ kuljum. Fost it-temi li ssemmew kienu s-sigurta,l-ambjent, l-indafa pubblika kif ukoll in-nuqqas ta infurzar. Diversi kunsilliera saħqu kif il-gvern ta’ Robert Abela naqqas il-poter tal-kunsilli lokali.