Is-Sibt filgħodu, K9 Search and Rescue Malta flimkien mal-voluntiera ta’ St John Rescue Corp wettqu eżerċizzju ta’ taħriġ intensiv ta’ tfittxija u salvataġġ għal persuna nieqsa.
Dan kien possibli grazzi għal Ruby – il-Kelb tar-razza German Shepard li permezz tas-sens qawwi tax-xamm tiegħu, seta’ jillokalizza l-persuna li kienet mitlufa u maqbuda taħt it-tifrik, f’post diffiċli u perikoluż – magħżul apposta għat-taħriġ.
Kif spejgalna Joe Attard, il-fundatur tal-organizzazzjoni volontarja K9 Search and Rescue huwa impressjonanti l-fatt li Ruby, u klieb bħalha li jifformaw parti minn din l-organizzazzjoni volontarja, huma mħarrġa wkoll biex jaħdmu f’diversi kundizzjonijiet, inklużi dlam, temp estrem, u anke fl-ilma.
Joe Attard qalilna li dawn l-eżerċizzji ta’ taħriġ huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-proċess f’każ ta’ diżastru naturali reali – eżerċizzji li mhux biss isaħħu l-kollaborazzjoni bejn pajjiżi differenti iżda jsaħħu wkoll il-ħiliet u l-kompetenza tat-timijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ.
Attard kompla billi qalilna li għalkemm dan it-tip ta’ taħriġ isir kull ġimgħa għal dawn il-klieb, fortunatament f’Malta ftit li xejn kienu involuti f’operazzjonijiet li jirrikjedu l-assisstenza ta’ dawn il-klieb imħarrġa apposta għall-tfittxijiet intensivi waqt diżastru naturali.
L-għaqda K9 Seach and Rescue hija magħmula minn speċjalisti varji li lkoll joffru l-kontribut tagħhom fuq bażi volontarja, u b’kollox joffru taħriġ kontinwu lil 11 il-kelb – li huma ċċertifikati biex wettqu tiftix u salvataġġ ta’ persuni minn qalb it-tifrik f’każi, pereżempju, ta’ terremoti jew sitwazzjonijiet oħra simili.
//= $special ?>