“Ninsab sodisfatt.”
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ġimgħa filgħodu staqsejnih għar-reazzjoni tiegħu dwar l-iskema tal-prezzijiet, li suppost kellha traħħas ix-xirja bażika – skema li iddaħlet fil-bidu ta’ dan ix-xahar; għalkemm bosta persuni sostnew li ma ħassew ebda effett fil-kont tax-xirja tagħhom minħabba li ħafna mill-prodotti essenzjali ma ntmissux b’dan ir-roħs… fost oħrajn iż-żejt, frott u ħaxix frisk, bajd u l-għaġina.
Fl-aħħar jiem, ċifri maħruġa mill-Eurostat urew li fil-bidu tas-sena l-prezzijiet f’pajjiżna baqgħu tilgħin ‘il fuq hekk kif f’Jannar ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kienet ta’ 3.7% – it-tmien l-ogħla rata ta’inflazzjoni minn fost 27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
U quddiem dan kollu, l-unika soluzzjoni tal-Gvern kienet li jraħħas bi ftit ċenteżmi fost oħrajn l-ispinaċi u l-brokkli ffriżati…u jinjora għal kollox l-ilmenti tan-nies….għaliex skont hu jinsab sodisfatt.
Il-Prim Ministru baqa’ wkoll jinjora għal darb’oħra l-appelli tal-Partit Nazzjonalista, l-appelli tal-ACE u tal-Kamra tal-SMEs biex inaqqas il-VAT ….u l-appelli tal-MEA biex jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA li minnha qed jieħu minn bwiet in-nies mal-€40 miljun. Dan għaliex, skont Abela, il-Gvern tal-Labour verament qed jiġġieled l-inflazzjoni. Meta ċ-ċifri tal-Eurostat juru mod ieħor.
Intant il-poplu għadu qed iħabbat wiċċu ma’ żieda qawwija fil-prezzijiet – liema żieda l-Gvern ta’ Robert Abela jidher li jinsab dahru mal-ħajt quddiemha….iżda fl-istess waqt għoġbu jżid il-pagi għal tal-qalba – bi dħul ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
//= $special ?>