Lokali

Roberta Metsola tiżvela li l-Prim Ministru qabel maż-żieda fil-finanzjament tad-difiża fil-Kunsill Ewropew

“Qegħdin hawn biex nagħmlu il-ħajja tan-nies iktar ugwali, iżjed sikura, iżjed b’saħħitha u iżjed ġusta” – Kliem Roberta Metsola waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq RTK 103FM

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kixfet l-ipokrezija tal-Prim Ministru li qabel diversi drabi ma dak li qalet hi fuq id-difiża, bil-maqlub tad-diskors li beda jgħid f’Malta.

Roberta Metsola qalet dan waqt intervista ma Andrew Azzopardi li saret fl-uffiċju tal-President tal-Parlament Ewropew fi Brussell, sentejn wara li ġiet fdata mill-MEPs biex tmexxi l-istituzzjoni Ewropea.

Mistoqsija fuq in-narrattiva qarrieqa li qed jipprova jimbotta il-Prim Ministru u l-esponenti tal-Partit

Laburista dwar id-difiża, Roberta Metsola kienet ċara li hi dejjem iddefendiet il-paċi.

Inti taħseb li hemm xi ħadd li jemmen f’ġieħ il-bambin li jiena favur il-gwerra? L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq il-paċi daqs kemm ħdimna biex dħalna fija, u ġġilidna għaliha. Jiġifieri hemmhekk jiena għalija hija importanti, li jien qatt mhu ser nirrispondi billi ninżel għal-livell ta’ x’inqabbel, u qabbilni mal-affarijiet, u poġġieni f’garzelli, jiena ma nagħmilx hekk, jiena fuq l-argumenti niddiskuti għaliex dak naħseb li hu tajjeb.”

Waqt il-programm, il-President Metsola semmiet lill-bdiewa u s-sajjieda u qalet li l-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ jagħtuhom l-appoġġ li għandhom bżonn. Qalet li bħalma il-Gvernijiet kienu qalulhom li se jiddependu fuqhom fil-pandemija, issa jeħtieġ jieħdu azzjoni biex jaraw li jiġu mħarsa, u kompliet li se tkun qed issemmiha dan kollu fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu.

Hija qalet li hi mhux ħa tniżżel il-politika fil-lvelli li jniżżilha l-Prim Minsitru li jipprova jpoġġiha f’garżelli imma trid li fil-politika tiddiskuti l-argumenti fuq kif tista ttejjeb il-ħajja tan-nies. Żiedet li jeħtieġ li l-politiċi Maltin flimkien mal-poplu, jeħtieġ naħdmu flimkien biex intajjru il-bandiera Maltija kull fejn immorru.

Roberta Metsola qalet li hi favur politika ta’ tama.

“It-tama ma nibnuwiex fuq il-ħolm imma fuq kif jirnexxielna ngħelbu l-kriżijiet, għax il-kapaċitajiet

tagħna huma kbar. Hu għalhekk nidħlu fil-politika u nagħmlu kuraġġ lil min hu iżgħar minnha biex

jidħol fil-politika għax fl-aħħar mill-aħħar qegħdin hawn biex nagħmlu il-ħajja tan-nies iktar ugwali,

iżjed sikura u iżjed b’saħħitha u iżjed ġusta.”