Rowen Camilleri
Programm ta’ logħob ieħor interessanti mit-18-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, bil-qofol tiegħu jintlaħaq għada, fejn wara li llum jintlagħabu żewġ logħbiet fl-Istadium Nazzjonali, għada jintlagħabu ħames konfronti, bl-aktar wieħed interessanti bla dubju jkun dak bejn Sliema Wanderers, li jinsabu fit-tielet post u l-leaders Ħamrun Spartans.
Balzan vs Hibernians | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Bid-draw fl-aħħar konfront kontra Floriana, Balzan issa ilhom ħames logħbiet mingħajr rebħa u huwa wieħed mit-timijiet li jinsabu viċin iż-żona relegazzjoni b’żewġ punti biss jifirduhom minn Valletta u Santa Lucia li jinsabu fi tnejn mill-postijiet ta’ relegazzjoni. Kontra Floriana, l-iskwadra mmexxija minn Oliver Spiteri uriet karattru fejn darbtejn wetqet reazzjoni wara li sofrew il-gowls biex ħadu punt importanti għall-moral. Punt pożittiv ieħor kien li l-akkwist il-ġdid Jan Bususttil skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb, gowl li jista’ jkun qed itiħ aktar kunfidenza, biex dan il-plejer, li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa talenti fil-futbol Malti, isib l-aqwa forma tiegħu. Min-naħa l-oħra Hibernians, li ukoll kisbu punt fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Birkirkara meta sofrew gowl fl-aħħar sekondi tal-partita minn penalty ta’ Andrea Zammit, mhumiex daqsekk fil-periklu iżda jridu rebħa biex jibqgħu viċin post fl-Ewropa meta jinsabu punt taħt it-tim fir-raba’ post Marsaxlokk. Dan it-tragward huwa importanti ferm għat-tim minn Raħal Ġdid li fl-aħħar snin kważi dejjem lagħbu f’xi kompetizzjoni Ewropea. Fl-ewwel round kienu Balzan li ħadu l-punti massimi f’rebħa ta’ 2-0.
Mosta vs Birkirkara | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Fit-tieni u l-aħħar partita tal-lum, jiltaqgħu Mosta u Birkirkara, konfront b’ħafna similaritajiet minn dak ta’ qablu fejn Mosta bħal Balzan għandhom 20 punt u qed jissieltu kontra r-relegazzjoni filwaqt li Birkirkara, bħal Hibernians, għandhom 25 punt. Il-moral ta’ Mosta għal din il-partita għandu jkun xi ftit aħjar minn dak ta’ Birkirkara hekk kif fl-aħħar konfront kisbu tliet punti f’rebħa ta’ 1-0 kontra Valletta filwaqt li Birkirkara salvaw punt fl-aħħar sekondi kontra Hibernians. Fl-ewwel round Mosta ħarġu rebbieħa 2-0 iżda dan il-konfront mistenni jkun wieħed missielet ferm, bil-punti huma importanti għaż-żewġ timijiet anke minħabba l-mod ta’ kif qed tiżvolġi l-klassifika fejn it-timijiet jinsabu ferm viċin ta’ xulxin taqta’ lil Sirens u Gudja li jinsabu maqtugħin fl-aħħar żewġ postijiet. Birkirkara se jkollhom sospiż lid-difensur laterali Kurt Zammit.
Sirens vs Gżira United | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel logħba ta’ għada, dik tal-11 ta’ filgħodu, wieħed mit-timjiet li minn ġimgħa għall-oħra dejjem joqrob lejn relegazzjoni, Sirens jaffrontaw lil Gżira United, li ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi li permezz tagħhom telgħu f’nofs il-klassifika. Minkejja dan il-Maroons xorta waħda jridu rebħa akkost ta’ kollox minħabba li jinsabu tliet punti biss distakkati mill-periklu. Wara d-draw kontra Marsaxlokk, Sirens ftit setgħu jagħmlu fl-aħħar konfront kontra Ħamrun fejn kif kien mistenni sfaw megħluba 2-0 miċ-champions. Andrew Cohen se jkollu nieqes mill-formazzjoni lil Marcelo Dias li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba wara li fl-ewwel ħames minuti tal-aħħar partita kontra Gudja tkeċċa, bi Gżira xorta waħda jiksbu rebħa b’għaxra min-nies. Fl-ewwel round kien gowl ta’ Thiago Espindola li ta rebħa minima lil Gżira kontra Gudja.
Valletta vs Marsaxlokk | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Mument mill-aktar diffiċli għal Valletta li bit-telfa tal-ġimgħa li għaddiet kontra Mosta issa jinsabu r-raba’ mill-aħħar u issa kull logħba hija finali fil-ġlieda għas-salvazzjoni ta’ dan il-klabb glorjuż. Kontra Mosta l-Beltin kellhom mumenti tajbin iżda sabu lil Akpan attent li wettaq saves importanti u bla dubju li f’dawn l-erba’ logħbiet li ġejjin iridu jtejbu l-prestazzjonijiet hekk kif minbarra lil Marsaxlokk se jkunu qed jaffaċjaw lil Ħamrun, Gżira u Santa Lucia rispettivament, erba’ timijiet li kollha jridu l-punti. Marsaxlokk, li se jkunu qed ifittxu tpattija wara li fl-ewwel round il-Beltin għelbuhom 1-0 fid-debutt ta’ Enzo Potenza, ma jaffordjawx jitilfu għaliex minbarra li issa nqatgħu bi 8 punti mit-tielet post, għandhom lil Hibernians u Birkirkara eżatt warajhom u għalhekk, wara li għamlu xi żmien ftit aktar ixxamplati, din il-ġimgħa jistgħu għall-ewwel darba dan l-istaġun jitilfu post mal-ewwel erbgħa. Iż-żewġ kowċis rispettivi se jkollhom sospiżi plejer fid-difiza b’Valletta se jkunu mingħajr Enzo Ruiz filwaqt li Leandro Aguirre jinsab sospiż għal Marsaxlokk.
Gudja United vs Santa Lucia | Għada, fis-2pm fis-Centenary Stadium
Logħba oħra min-naħa t’isfel tal-klassifika hija dik ta’ għada bejn Gudja United u Santa Lucia, fejn minkejja li bħala klassifika wieħed jista’ jarhom viċin ta’ xulxin, is-Saints jinsabu 12-il punt fuq Gudja li jinsabu ankrati fl-aħħar post. Minn ġimgħa għall-oħra l-analiżi tagħna dwar Gudja ma tantx tinbidel bit-tim immexxi minn Renzo-Kerrr Cumbo issa tilef seba’ logħbiet infila u l-mistoqsija aktar milli jekk, hija meta dan it-tim se jkun matematikament relegat għaċ-Challenge League. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Santa Lucia li fl-aħħar żewġ logħbiet għelbu lil Balzan u Naxxar rispettivament biex issa daħlu sew fit-taqtigħa għas-salvazzjoni, fejn bħal Valletta jinsabu 2 punti biss taħt Mosta u Balzan li jinsabu barra miż-żona l-ħamra. Tassew li dan it-tim ma jaqta’ qalbu qatt fejn għal ħames snin konsekuttivi rajnieh jevita r-relegazzjoni bi żbrixx u wara li fl-ewwel parti ta’ dan l-istaġun kulħadd kien diġa’ qed jikkundanhom għal isfel, Santa Lucia għandhom iċ-ċans li jerġgħu isalvaw posthom għal staġun ieħor mal-kbar. Fl-ewwel round dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.
Sliema Wanderers vs Ħamrun Spartans | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Il-logħba tal-ġimgħa mit-18-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik ta’ għada l-Ħadd bejn Sliema Wanderers u l-leaders Ħamrun Spartans. Il-Blues kienu l-ewwel tim li magħhom iċ-champions Ħamrun waqqgħu il-punti meta kienu żammewhom fi draw ta’ 1-1. Dan id-draw ma kienx xi kunbinazzjoni għax aktar ma bdew jgħaddu logħob Sliema aktar bdew juru li huwa tim li kapaċi jilgħab ma kulħadd tant li wara 17-il partita huma jinsabu fit-tielet post, 8 punti fuq l-eqreb rivali Marsaxlokk. Għal din il-partita huma se jkunu mingħajr id-difensur Joachim Adukor li fl-aħħar logħbiet kien wieħed mill-aħjar plejers iżda se jkollu jiskonta logħba sospensjoni wara li qala’ r-raba’ karta safra. L-Ispartans bħalissa jinsabu fl-aħjar forma tagħhom bi tmien rebħiet konsekuttivi u 5 punti vantaġġ f’ras il-klassifika fejn fl-aħħar żewġ logħbiet rajnihom ukoll jilagħbu mingħajr l-aqwa elementi tagħhom fil-ground u xorta baqgħu konsistenti. Rebħa għat-tim immexxi minn Luciano Zauri tkun pass ieħor importanti għar-rebħ tal-10 kampjonat fl-istorja tal-Ispartans.
Naxxar Lions vs Floriana | Għada, fl-4:30pm fis-Centenary Stadium
Tliet telfiet konsekuttivi u ħames logħbiet mingħajr rebħa għal Naxxar Lions li wara li kellhom mument mill-aqwa fil-kampjonat issa jridu jaraw kif se jerġgħu isibu dik il-forma biex jitbiegħdu mir-relegazzjoni. Din il-ġimgħa l-avversarji huma iebsin hekk kif se jkunu qed jaffrontaw lil Floriana, it-tim fit-tieni post tal-klassifika. Dan il-konfront fl-ewwel round spiċċa fi draw ta’ 1-1 iżda x-xahar li għadda Floriana eliminaw lil Naxxar mill-IZIBET FA Trophy b’rebħa ta’ 2-0. Naxxar se jkollhom sospiżi lil Joao Vitor Cardoso u lil Takuma Yamaghuci filwaqt li Floriana se jkunu mingħajr Oualid El Hasni u Maksim Valadzko li wkoll jinsabu sospiżi.
//= $special ?>