Lokali

Bżonn t’aktar appoġġ soċjoekonomiku u kontraċettivi – Doctors for Life

Doctors for Life tinnota r-rapporti riċenti tal-midja li jsostnu li f’Malta, fl-2023 ġew fornuti kważi 500 home abortion kit.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Doctors for Life stess, il-Ħadd filgħodu.

Irrispettivament mill-eżattezza taċ-ċifri pprovduti mill-organizzazzjoni favur l-abort, Doctors for Life tirrimarka li aborti bħal dawn li jseħħu qabel it-12-il ġimgħa tat-tqala jinvolvu fetu li qed jiżviluppa b’mod rapidu f’tarbija umana.   L-iżvilupp jibda bis-serjetà wara l-fertilizzazzjoni u sat-12-il ġimgħa it-tarbija fil-ġuf hija żviluppata bis-sħiħ. L-organi, il-muskoli, ir-riġlejn, l-għadam u l-organi sesswali jkunu żviluppaw sew. Minn dak iż-żmien ‘l quddiem, it-tarbija trid tikber u timmatura.

Protezzjoni legali tal-fetu uman tirrifletti l-verità xjentifika li l-fetu uman huwa ħaj u għalhekk jistħoqqlu li jiġi salvagwardjat bi sħiħ.

Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li lokalment tiżdied id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ kontraċettivi, inkluża l-introduzzjoni ta kontraċettivi fuq il-formolarju tal-Gvern.

Madankollu,  kriżijiet fi tqala jseħħu, u huwa ta’ importanza kbira li kull appoġġ soċjoekonomiku possibbli jingħata lil dawn in-nisa fil-bżonn sabiex tiġi evitata t-tmiem ta’ ħajja umana fil-ġuf. Din l-għajnuna hija disponibbli. Doctors for Life tisħaq li ll-midja tista’ ttejjeb l-impatt tagħha billi tenfasizza d-disponibbiltà ta’ din l-assistenza  soċjoekonomika kull meta tirrapporta dwar l-abort biex b’hekk titqajjem kuxjenza dwar dan l-aspett kruċjali.