Lokali

F’Ruma: Il-President Metsola onorata bi Premju Internazzjonali għall-ħidma tagħha favur il-paċi

F’Ruma, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Maltija Roberta Metsola ġiet onorata bil-Premju Internazzjonali Boniface VIII għall-ħidma tagħha favur il-kultura ta’ paċi madwar id-dinja.

Roberta Metsola qalet li tinsab onorata kemm bħala Maltija kif ukoll bħala President tal-Parlament Ewropew, li l-ħidma favur il-paċi qed tiġi rikonoxxuta. “Dan hu mument li jagħmilna lkoll kburin. Grazzi li tagħtuni l-opportunità li nxejjer il-bandiera Maltija maġenb dik Ewropea mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-valur tal-paċi kien, għadu u jibqa’ l-impenn tiegħi u tagħna – kullimkien.”

Hi temmet tgħid li dan l-unur isaħħaħ l-impenn tagħha li tkompli taħdem għal Ewropa aktar b’saħħitha, għal aktar paċi u għal aktar demokrazija.

Il-premju ġie preżentat lil Roberta Metsola mir-Rettur u President tal-Accademia Bonificiana l-Professur Sante de Angelis, waqt ċerimonja f’Ruma, li tmexxiet mid-Deputat Direttur ta’ TG1 Maria Rita Grieco

Roberta Metsola hi l-ewwel Maltija li qatt irċiviet dan il-premju internazzjonali. B’mod simboliku, ċ-ċerimonja saret sentejn mill-bidu tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, liema aggressjoni wriet it-tmexxija soda u b’saħħitha tal-President tal-Parlament Ewropew f’appoġġ lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħom għall-paċi u l-ġustizzja.