Lokali

“Gvern li b’għemilu juri li ma jemminx fl-artisti” – PN

Gvern li jkompli jxejjen il-valur tal-artisti

Il-Kummenti taċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency Jason Micallef fil-konfront tal-artisti Maltin, fejn qal li l-artisti ma jistgħux jokkupaw irwol ta’ responsabbiltà, huma kummenti li jkomplu jixhdu kemm esponenti tal-Gvern Laburista m’għandhomx fiduċja fit-talent tal-Maltin. 

Li esponenti tal-Gvern jiddisprezzaw lill-atturi kollha Maltin u Għawdxin b’kummenti li jbaxxu l-valur tal-artist Malti huwa turija ċara kemm il-Gvern huwa faċċol fil-konfront tal-artisti Maltin. 

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dawn il-kummenti u jisħaq li pajjiżna għandu atturi kapaċi fejn għamlu isem kemm f’Malta u f’Għawdex u anki barra pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-artisti tagħna. Xhur ilu l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament ressaq mozzjoni għal emenda kostituzzjonali biex l-arti tiddaħħal fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Din il-mozzjoni hija xhieda tal-fiduċja tal-Partit Nazzjonalista fl-artist. Gvern Nazzjonalista se jkun qed jinvesti verament fl-arti u l-kultura, u fi tħaddin tat-talent kollu li jsaħħaħ l-arti u l-valur tal-artist. 

Dan intqal minn Julie Zahra x-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura.