L-ajruplani tal-gwerra tal-Istati Uniti u r-Renju Unit mill-ġdid attakkaw numru sinifikanti ta’ siti fil-Jemen li huma kontrollati mill-milizji Houthi.
Dawn il-milizji qed ikunu ta’ theddida kontinwa għall-bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar – u b’impatt dirett għall-kummerċ dinji. L-attakk tal-aħħar sigħat fuq il-Houthi, fil-fatt, kien ir-raba’ azzjoni militari konġunta ta’ dan it-tip bejn l-Amerikani u l-Britanniċi.
L-attakki konċentraw fuq id-depots tal-armi u d-drones u meta fil-mira tal-ajruplani kien hemm ukoll sistemi tar-radar u għad-difiża kontra l-attakki mill-ajru.
Dan waqt li l-kelliema fir-Renju Unit qalu li l-attakki mill-ajru huma neċessarji biex ‘ikomplu jtellfu mill-kapaċitajiet tal-Houthi biex jattakkaw il-bastimenti kummerċjali li qegħdin ibaħħru viċin tal-Jemen’.
Intant, il-Houthi, li jikkontrollaw il-parti kbira tal-Jemen, qalu li se jkomplu jattakkaw il-bastimenti li għandhom konnessjoni ma’ Iżrael u l-Punent. U l-għeluq tar-rotot marittimi importanti, bħalissa, qiegħed joħloq l-intoppi għall-kummerċ internazzjonali – fost iż-żieda awtomatika fil-prezzijiet tal-materjal b’konsegwenza tas-sitwazzjoni.
Iċ-ċirkustanzi mhumiex mistennija li jinbidlu meta wħud mill-akbar kumpanniji tal-vapuri fid-dinja qed jużaw ir-rotot differenti — u mhux il-Baħar l-Aħmar li dejjem ipprovda waħda mill-aktar rotot attivi għat-trasport ta’ kummerċ lejn l-Ewropa u bnadi oħra.
//= $special ?>

