Lokali

“Kien bil-ħidma tal-PN li saret Inkjesta Pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Jean Paul Sofia” – Bernard Grech

“Aħna determinati li nibqgħu nagħmlu aħjar għan-nies.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu mill-ġurnalist, u Manager Special Projects tal-PBS, Mario Xuereb fil-Mellieħa.

Bernard Grech tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu hu wieħed b’saħħtu, li determinat li jibqa’ jaħdem għall-poplu Malti bis-saħħa tal-viżjoni ċara li ħoloq il-Partit Nazzjonalista.

Huwa semma’ diversi sitwazzjonijiet importanti li l-Partit Nazzjonalista flimkien mal-poplu rnexxielu jdawwar deċiżjonijiet tal-Gvern, fosthom dik dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia u l-abbozz ta’ liġi tal-abbort. Dan filwaqt li fakkar il-ħidma kontinwa li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista sabiex jerġa’ iġib lura l-€400 miljun mis-serqa tat-tliet sptarijiet ta’ pajjjiżna.

Intant, meta mistoqsi mill-ġurnalist Mario Xuereb rigward l-kunsilli lokali ta’ pajjiżna, u d-determinazzjoni li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jmexxi numru ta’ kunsilli, Bernard Grech stqarr illi l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħidma integrali tal-kunsilli lokali, u l-kunsilliera minn kull partit politiku. Dan filwaqt li stqarr illi l-Partit Nazzjonalista, huwa gvern alternattiv li se jkun qed jerġa’ jagħti s-saħħa lura lill-kunsilli lokali, saħħa li taħt il-Gvern Laburista, kważi spiċċat fix-xejn.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech tkellem ukoll dwar id-diffikultajiet li esperjenzaw u qed jesperjenzaw diversi professjonijiet, fosthom l-infermiera, l-għalliema u l-bdiewa. Ma’ dawn tal-aħħar, huwa stqarr illi matul dan l-aħħar żmien, il-Partit Nazzjonalista ta widen lill-bdiewa, fejn għamel diversi laqgħat magħhom sabiex jifhem id-diffikultajiet li qed jesperjenzaw u kif pajjiżna jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom.

Dan filwaqt li fakkar id-diffikultajiet li huma persistenti lill hinn minn xtutna, fejn indirizza l-gwerrer fil-Palestina u l-Ukrjna… hekk kif stqarr illi minkejja li Malta huwa pajjiż newtrali, dan ma jfissirx illi nibqgħu ċassi lejn dak illi qed jiġri madwarna.

Intant, Bernard Grech semma’ ukoll illi l-Partit Laburista ħakem diversi istituzzjonijiet taħt idejh, fosthom lill-PBS. Fejn saħanistra anke fl-aħħar ġranet, biddlu l-kelma ta’ Bernard Grech fil-Parlament bl-ispeaker tal-Kamra tad-deputati jiddikjara illi l-PBS biddlet l-kliem tal-Kap tal-PN.

Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa fil-link t’hawn taħt:

https://www.facebook.com/NetNewsMalta/videos/1478925106366384