“Din hi t-trakka li hemm bħalissa, se jagħmlu ix-xogħol fuqha, m’għandha x’taqsam xejn mat-trakka li ilhom snin twal iwegħdu… għalfejn qed tidħqu bin-nies?”
Dan kien is-sentiment li ħareġ mill-barraxx ta’ kummenti fuq l-artiklu qarrieq tal-midja Laburista.
Il-Ħamis, One News żvela li ġie approvat ix-xogħol infrastrutturali li għandu jibda fuq is-suppost trakka ta’ Kwart ta’ Mil f’Ħal Far.
It-trakka li ilha tiġi mwegħda mill-Gvern Laburista għal numru ta’ snin, sa mill-elezzjonijiet tal-2013, u l-2017 taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat… għandha jkollha tliet fażijiet. L-ewwel fażi – dik li jkun hemm bidliet fil-faċilitajiet ta’ dik eżistenti f’Ħal Far. It-tieni u t-tielet fażi li kellhom ikunu s-circuit track.
Fl-2021, kien żvelat illi sa Mejju tal-2022, kellha titlesta l-ewwel fażi pjanata. Dan filwaqt li wara Mejju tal-istess sena kien pjanat li jibda x-xogħol fuq is-circuit track.
Dan kollu bil-pjan li l-ewwel fażi, inkluż l-istrippa tan-nofs mil titlesta sal-2023, bit-trakka tal-motorsport tkun kompluta fix-xhur bikrin tas-sena tal-2024, trakka li kellu jkollha tnax-il dawra, b’sitta lejn ix-xellug u sitta lejn il-lemin, 472 metru ta’ start finish straight u 4.800 mili kwadri ta’ paddock, tribunijiet u toroq ta’ aċċess.
Tant hu hekk li l-konsulent tal-komunikazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, waqt programm fuq One Television lura f’Ottubru tal-2021, kien spjega kif ingħata bidu għall-proġett tat-trakka… proġett ta’ 20 miljun ewro li kellu jkollu pajjiżna fi ftit xhur.
Minkejja dawn il-wegħdiet kollha, snin wara l-bidu tal-wegħdiet tat-trakka, u sentejn wara li kellha propju titlesta l-ewwel fażi tal-kumpless tal-motorsport. One News din il-ġimgħa żvela illi sa issa ġiet approvata l-ewwel fażi infrastruttrali tat-trakka tad-drag racing.
Dan ifisser illi se jkun qed jibda xogħol infrastrutturali fuq l-istrippa eżistenti li hemm f’Ħal Far, sabiex skont il-midja Labursita, tkun l-aqwa tat-tip tagħha, fil-Mediterran, bil-wegħda tat-trakka ta’ circuit racing tibqa’ mwegħda bħas-snin passati.
Fid-dawl ta’ dan il-qerq mill-midja Laburista, bosta persuni esprimew id-diżappunt u r-rabja tagħhom lejn Gvern illi qed “jidħaq bihom”, għaliex din mhux it-trakka li ġiet mwegħda lid-delettanti tal-motorsport.
Fejn kien hemm anke min stqarr li wasslet l-elezzjoni. Dan minħabba l-fatt li wegħdiet bħal dawn dejjem isiru qabel l-elezzjonijiet illi l-Partit Laburista ikun se jaffaċċja… b’persuna tistqarr li “dejjem l-istess wegħda… ħames snin u ma tasal mkien”.
//= $special ?>