Lokali

Robert Abela ma jagħtix serħan il-moħħ lill-poplu

Fatti li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia meta kienu qed jinstemgħu x-xiedha fil-Qorti urew biċ-ċar kemm din l-Inkjesta Pubblika kienet meħtieġa. L-istess inkjesta li Robert Abela għamel minn kollox biex ma ssirx.

Sar magħruf li l-OHSA m’għandix riżorsi biżżejjed biex tgħaqdi l-funzjonijiet tagħha tant li lanqas biss kienet infurmata bil-binja biex tiġi żviluppata f’Kordin. U dan apparti li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għandha biss 17-il uffiċjal għall-ispezzjonijiet.

Nuqqasijiet li ilna nafu bihom iżda l-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet minkejja li ta’ kull ġimgħa qed nisimgħu b’ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol, b’din il-ġimgħa stess miet raġel li waqa’ żewġ sulari fil-Marsa. U fl-istess xahar li ċediet faċċata fejn kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni fil-Gżira.

Quddiem dan kollu, waqt attività politika fis-Siġġiewi, Robert Abela kellu l-wiċċ jiftaħar li f’pajjiżna għandna  l-ogħla livelli ta’ kostruzzjoni u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol.

Fost l-oħrajn, Robert Abela tkellem ukoll dwar investiment fis-settur tal-edukazzjoni… iżda naqas milli jsemmi investiment għall-edukaturi tagħna. Dan minkejja li 97% tal-edukaturi kienu ħadu sehem fi strajk hekk kif wara xhur sħaħ ta’ laqgħat bejn l-MUT u l-Gvern, in-negozjati ma waslu mkien. B’Abela baqa’ jwebbes rasu u ma tax iż-żieda sostanzjali li ġiet mwegħda fil-manifest elettorali.

L-istess Prim Ministru li jgħid li jinvesti fl-edukazzjoni fl-istess waqt li jħalli l-iskola tal-Imsida ġebel u saqaf erba’ snin wara li tpoġġiet l-ewwel ġebla.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Robert Abela li ilu Prim Ministru ta’ Malta mis-sena 2020, ikkonferma kif iż-żgħażagħ Maltin mhumiex kuntenti bit-tmexxija Laburista hekk kif saħqu li jridu politika differenti. 

Intant, Robert Abela baqa’ ma ndirizzax il-kriżi li jinsab fiha is-settur tas-saħħa – il-waiting lists ma jispiċċaw qatt, sigħat twal fl-emerġenza, u n-nuqqas ta’ sodod u swali li hemm fl-isptar Mater Dei.

Ma ndirizzax lanqas il-piż tal-għoli tal-ħajja minkejja li ċifri maħruġa mil-Eurostat wrew li fil-bidu tas-sena l-prezzijiet f’pajjiżna baqgħu tilgħajn ‘il fuq tant li Malta għandha t-tmien l-ogħla rata ta’ inflazzjoni minn fost is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

U wisq inqas ma ndirizzax il-proposti li resqulu l-bdiewa u r-raħħala wara żewġ protesti li għamlu sabiex il-prodott Malti u l-ħidma tal-bidwi u r-raħħal Malti ikun stmat.

Diskors ta’ madwar 30 minuta b’ħafna kliem li żgur mhux forsi ma jserraħx moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li qed isibu ħafna diffikultajiet f’setturi varji… B’Abela jagħżel li jdawwar wiċċu u jinjora l-karba tan-nies.