Il-komunità tal-migranti f’Malta organizzaw protesta li bdiet mill-Ħamrun u spiċċat il-Belt Valetta quddiem il-Parlament fejn talbu biex il-Gvern jirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom.
Preżenti għal din il-protesta kien hemm bosta persuni minn pajjiżi differenti kif ukoll Maltin li kienu qed iżommu diversi kartelluni b’messaġġi varji, bħal ‘ma hemmx aħna u huma’, ‘Stabilità u mhux Inċertezza’ kif ukoll ‘Malta Dari’.
Huma qalu li bħala migranti li ilhom għal żmien twil jgħixu u jaħdmu f’Malta qed jingħaqdu flimkien biex jitolbu għal stabilità f’ħajjithom. Preżenti wkoll għal din il-protesta kien hemm numru ta’ organizzazjonijiet fosthom Aditus Foundation, Moviment Graffitti u Repubblika.
F’isem Aditus Foundation, Neil Falzon spjega li l-migranti kienu qedin jagħmlu l-protesta propju biex juru d-diżappunt lejn il-Gvern għal mod kif mexa ma’ Kusi Dismark.
Huma talbu wkoll biex il-Gvern jintroduċi permess għal residenza lil kull min ilu jaħdem u jgħix f’Malta għal ammont sostanzjali ta’ żmien u biex it-tfal tagħhom li għixu biss Malta jkollhom id-drittijiet għaċ-ċittadinanza.
//= $special ?>